Saturday, December 21, 2024

Football: It-team nazzjonali Malti beda s-sena fuq nota mill-aktar pożittiva

Aqra wkoll

It-team nazzjonali Malti ma setax kellu bidu aħjar għas-sena 2022 meta fl-ewwel żewġ logħbiet spiċċa biex rebaħhom it-tnejn biċ-’ċirasa fuq il- kejk’ tkun li fihom żamm clean sheet wara li temm is-sena li għaddiet bi tliet telfiet kbar.

B’hekk fi spazju ta’ erbat ijiem kellna għalxiex nifirħu għalkemm ikun hemm min jgħid li l-avversarji ma kienux ta’ barra minn hawn u fil-passat lgħabna kontra timijiet ta’ isem fejn iktar iva milli le spiċċajna fuq in-naħa telliefa.

Iżda min-naħa l-oħra ma rridux ninsew logħ­biet li ħallewna b’togħba tajba bħal ma kien il-każ fl-aħħar preliminari tat-Tazza tad-Dinja meta żammejna draw 2-2 lis-Slovakkja u tlifna darbtejn kontra r-Russja 2-0 għandhom u 3-1 f’Ta’ Qali, żewġ riżultati li ma jħammrulniex wiċċna.

Dan minbarra li kisbna rebħa u draw kontra Ċipru fl-istess preliminari Mondjali u stajna nerġgħu niltaqgħu magħhom fin-Nations League, iżda dan ma kellux ikun minħabba li ċ-Ċipriotti se jikkompetu f’Lea­gue C  wara r-rebħa bl-aggregate ta’ 2-0 kontra l-Estonja ii fil-passat iltqajna bosta drabi kontrihom u minflok se jkollna magħna lil dawn tal-aħħar u lil San Marino. 

It-team Malti wera ċerta superjoritá fuq l-avversarji tal-aħħar żewġ logħbiet kif turi l-istatistika bħal dak li huwa pussess tal-ballun fejn kontra l-Azeri dawn kellhom 53% u Malta 47% waqt li kontra l-Kuwajt kien ta’ 52% kontra 48% favur tagħna.

F’dawk li huma corners kellna l-iktar fiż-żewġ logħbiet, 6-3 kontra l-Azerbaijan u 4-3 kontra l-Kuwajt. Fit-tentattivi tal-passes kontra l-Azeri kellna 344 kontra 364, differenza ta’ 20 iżda fil-logħba tat-Tlieta dawn kienu 457-417 għan-naħa tat-team Malti.

Il-goalkeeper Henry Bonello iktar kien fl-azzjoni kontra l-Kuwajt meta wettaq sitt saves kontra l-erbgħa tagħhom waqt li kontra l-Azeri kellu inqas xogħol meta salva xutt wieħed kontra l-erbgħa tal-goalkeeper tagħhom.

Iżda fatt inkoraġġanti kien il-mod li bih il-players tagħna bdew itellgħu l-ballun lejn in-naħa avversarja tant li b’iktar attenzjoni stajna anke rbaħna bi skor ikbar kontra l-Kuwajti għall-fatt li ħlejna bosta ċansijiet ċari.

Pedina importanti f’dawn iż-żewġ logħħbiet kien il-midfielder tal-leaders tal-Belġju, Royale Union Saint Gilloise, Teddy Teuma, li kien involut fit-tliet goals li skorjajna meta minbarra l-goal tiegħu kontra l-Kuwajt li bih ssiġilla r-rebħa, huwa kien providenzjali b’żewġ assists.

Fl-ewwel logħba kontra l-Azerbaijan ta pass ta’ surmast lejn Jurgen Degabriele u dan bil-kalma ta’ veteran sab ir-rokna tax-xibka meta kien bejn żewġ players avversarji.

Imbagħad nhar it-Tlieta kien mill-free-kick tiegħu li Alex Satariano fetaħ l-iskor għalkemm hawnhekk il-ballun kellu devjazzjoni qabel ma ħadu l-player ta’ Pergolettese li sab ix-xibka bil-ballun jaqbeż il-linja fatali u ġie konvalidat mingħajr il-bżonn tal-VAR għalkemm f’Malta dan għadu ma ġiex introdott.

Għall-coach Devis Mangia dawn il-logħbiet servew għall-programm mimli li għandna f’Ġunju li ġej meta f’dak il-perjodu se jintlagħbu erba’ logħbiet fi spazju ta’ 10 ijiem li probabbilmemt huma l-iktar konġestjoni ta’ logħbiet li qatt kellu t-team Malti.

Mangia uża dawn il-logħbiet biex jipprepara għal dawn il-partiti kompetittivi, u wieħed jista’ jippreżumi li flimkien mal-istaff tekniku tiegħu se jagħmel il-homework tajjeb biex din id-darba jmur pass ‘il quddiem u jipprova anke jirbaħ il-grupp meta se nilagħbu erba’ logħbiet biss kontra l-10 li nilagħbu s-soltu meta din id-darba t- taqtiegħa għall-ewwel post ma jistax jonqos li hija kontra l-Estonja, li huma avversarji tagħna tal-passat.

Fil-logħbiet tal-passat ir-rekord mal-Estonja huwa ta’ paritá assoluta, żewġ rebħiet, żewġ draws u żewġ telfiet, goals favur 8 u kontra 8 ukoll.

Kontra San Marino lgħabna logħba waħda li rbaħniha 3-2 li kienet waħda ta’ ħbiberija.

Għaldaqstant meta bdejna s-sena fuq nota tajba l-programm li jmiss huwa dan:

2 jew 4 ta’ Ġunju: Partita ta’ ħbiberija.

5 ta’ Ġunju: San Marino v Malta.

9 ta’ Ġunju: Malta v Estonja.

12 ta’ Ġunju: Malta v San Marino

L-aħħar logħba tal-grupp kontra l-Estonja barra pajjiżna se ssir fit-23 ta’ Settembru.

Ekonomija

Sport