Is-selezzjoni Maltija mill-Veterans Malta Football Association għelbu lit-tim magħmul minn partitarji Ingliżi bl-iskor ta’ 3-0 f’partita internazzjonali ta’ ħbiberija li saret fil-Luxol Stadium.
Il-Maltin dejjem kienu fil-kontroll tal-logħba u li ma kienx għall-goalkeeper Ingliż Jordan Fox, l-iskor seta’ kien ikbar.
Is-selezzjoni Maltija kienu diġa’ 2-0 minn fuq sa tmiem l-ewwel taqsima hekk kif l-attakkant Michael Galea skorja doppjetta.
Fit-tieni taqsima, ir-ritmu tal-logħba naqas xi ftit iżda l-Maltin xorta sabu l-ħin li jiskorjaw it-tielet gowl hekk kif Claudio Calleja ħa vantaġġ minn żball difensiv sabiex xeħet il-ballun ġewwa.
It-tim tal-partitarji Ingliżi jilgħab b’mod regolari kull meta t-tim nazzjonali ta’ pajjiżhom ikun qed jilgħab barra minn daru u ftit tax-xhur ilu huma ħadu sehem ukoll f’turnament fil-Qatar waqt it-tazza tad-dinja 2022.
Għall-Maltin din kienet it-tieni rebħa f’temp ta’ ftit jiem wara li aktar qabel għelbu lil Glendale United PA 12-1.
Referee: Lorry Sammut