Tuesday, December 24, 2024

For.U.M jesprimi tħassib dwar proċeduri kriminali fil-konfront ta’ lettur u studenti b’rabta mal-każ Freehour

Aqra wkoll

Il-Forum Unions Maltin (For.U.M.) esprima tħassib dwar l-azzjonijiet kriminali li nbdew fil-konfront tal-lettur universitarju u l-istudenti tiegħu fil-każ relatat ma’ Freehour.

For.U.M. qed jappella lill-awtoritajiet biex jipproteġu d-drittijiet ta’ dawk involuti u biex jissalvagwardjaw l-integrità tal-proċess edukattiv.


Il-każ inkwistjoni jinvolvi grupp ta’ studenti u l-lettur tagħhom, li l-attivitajiet edukattivi tagħhom ġew interpretati b’mod inġust bħala attakk ċibernetiku, li wassal għal akkużi kriminali.

Filwaqt li For.U.M. jirrikonoxxi li l-każ bħalissa qed jiġi eżaminat mill-qorti, qiegħed jenfasizza li proċess edukattiv imwettaq b’konformità mal-istandards etiċi m’għandux jitqies bħala attakk ċibernetiku fuq organizzazzjoni. Din is-sitwazzjoni tirrappreżenta theddida serja għall-proċess edukattiv, li huwa essenzjali biex jitħarrġu l-istudenti biex jużaw il-ħiliet u l-għarfien relatati mal-kompjuters għall-benefiċċju kemm tal-komunità kif ukoll tal-organizzazzjonijiet li jaqdu.

Fi stqarrija maħruġa minnu kompla biex jgħid li barra minn hekk, dan joħloq riskju li jimmina l-prattika ta’ dawn il-ħiliet f’xenarji tad-dinja reali u żied jappella lill-awtoritajiet kompetenti biex jipproteġu lill-individwi kollha affettwati u biex jiżguraw li l-integrità edukattiva tiġi mħarsa.

Barra minn hekk, For.U.M. jenfasizza l-fatt inkwetanti li dawn l-istudenti għadhom lanqas bdew il-karrieri professjonali tagħhom.

“Minflok jiġu inkoraġġuti u mħarrġa kif suppost bħala esperti futuri fil-qasam tas-cybersecurity, qed jiġu soġġetti għal prosekuzzjoni kriminali, u dan joħloq diffikultà mhux meħtieġa f’mument tant kritiku fl-istudji tagħhom”, temmet tgħid l-istqarrija.

Ekonomija

Sport