L-Assoċjazzjoni tal-Isport Akkwatiku ta’ Malta f’kollaborazzjoni mal-Bank of Valletta ħabbret format dinamiku ġdid għall-kompetizzjonijiet tal-BOV Water Polo biex tfakkar il-100 Anniversarju tal-ASA.
Dan tħabbar minn Karl Izzo, President tal-ASA u Ernest Agius, Uffiċjal Kap tal-Operazzjonijiet fil-Bank of Valletta fil-preżenza tas-Segretarju Ġenerali tal-ASA George Farrugia waqt konferenza stampa fil-preżenza ta’ rappreżentanti tal-klabbs.
“Il-bidliet fil-format tal-kompetizzjonijiet għandhom l-għan li jtejbu l-kompetittività, iżidu l-involviment tal-partitarji, u jgħollu l-livell tal-logħba fil-klabbs parteċipanti kollha,” qal il-President tal-ASA. “Il-format il-ġdid se jara wkoll lill-klabbs bl-aqwa prestazzjoni tal-istaġun preċedenti jibbenefikaw minn parteċipazzjoni diretta fil-BOV Premier League, bil-klabbs bl-aqwa klassifikazzjoni fil-BOV First Division League ikollhom l-opportunità li jilagħbu għall-promozzjoni fil-BOV Premier League.”
L-ewwel 4 klabbs fil-klassifikazzjoni tal-Kamponat Premier fl-istaġun li għadda, iċ-champions Sliema, San Giljan, Neptunes u Sirens se jipparteċipaw awtomatikament fil-BOV Premier League, filwaqt li l-aħħar 2 klabbs tal-BOV Premier League, Valletta u Birżebbuġa, se jilagħbu round robin mall-klabbs li ġew l-ewwel u t-tieni fil-Kampjonat BOV tal-Ewwel Diviżjoni, Marsaxlokk u Exiles, bl-aqwa 2 klabbs f’dan ir-round robin jipparteċipaw fil-BOV Premier League. Ta’ Xbiex, Otters, Marsascala u Barracudas se jilagħbu direttament fil-BOV First Division League.
It-timijiet f’kull diviżjoni se jikkompetu f’format ta’ double round-robin, bl-aqwa erba’ timijiet javvanzaw għall-playoffs skedati bejn is-26 u t-30 ta’ Awwissu 2025.
Il-ġimgħa tradizzjonali ta’ Santa Marija f’Awwissu se tkun ġimgħa intensiva għall-water polo lokali fejn il-kompetizzjonijiet tan-knockout għaż-żewġ diviżjonijiet se jintlagħbu bil-finali jsiru fl-14 ta’ Awwissu.
Il-Kampjonati. BOV se jintlagħbu skont ir-regoli l-ġodda tal-kompetizzjoni b’pitch iżgħar ta’ 25 metru u ħin iqsar ta’ pussess u t-tieni attakk. Dan x’aktarx se jwassal għal tranżizzjonijiet aktar mgħaġġla bejn l-attakk u d-difiża, u b’hekk il-kontrattakki jsiru aktar frekwenti u jiffavorixxu strateġiji offensivi aggressivi milli tinbena azzjoni bil-mod.
Il-kampjonat tan-Nisa BOV se jintlagħab fl-istess ħin matul is-Sajf fejn it-tliet timijiet li qed jikkompetu, Sirens, Sliema u San Giljan se jikkompetu għat-Tazza Ċentinarja BOV ASA.
“L-ASA qed tiċċelebra l-100 anniversarju tagħha sena biss wara li l-BOV iċċelebra l-50 sena tiegħu – u ż-żewġ organizzazzjonijiet għandhom post influwenti fil-kultura Maltija,” qal is-COO tal-BOV. “”Il-Bank of Valletta huwa kburi li kien sponsor ewlieni tal-ASA mill-2008, sħubija li rat l-iżvilupp b’suċċess tal-logħba kif evidenti fil-livell tal-logħob kemm fil-livell domestiku kif ukoll fil-qasam internazzjonali, fejn aktar kmieni din il-ġimgħa rajna t-tim nazzjonali jikkwalifika għall-kampjonati Ewropej għas-sitt darba konsekuttiva.”