Jos, missier Max Verstappen, ikkritika bl-aħrax lis-sidien tar-Red Bull wara li Sergio Perez rebaħ il-Grand Prix ta’ nhar il-Ħadd li għadda, f’Monaco.
Huwa akkużahom li Perez ġie ppreferut bl-istrateġija tagħhom biex eventwalment ħareġ rebbieħ.
Min-naħa tas-sewwieq Messikan, din kienet l-ewwel rebħa tiegħu u t-tielet waħda tal-karriera tiegħu wara li approfitta minn bosta żbalji taż-żewġ sewwieqa tal-Ferrari, Charles Leclerc u Carlos Sainz.
Jos deher irrabjat li t-tifel tiegħu temm fit-tielet post wara li “ġie mwarrab” mit-team tekniku tiegħu. Fuq Twitter huwa kiteb li r-Red Bull kisbu riżultat tajjeb iżda ma wżaw l-ebda strateġija biex Max jiġi megħjun għall-ewwel post biex ikompli jsaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu fil-quċċata tal-klassifika.
Huwa qal: “Il-fatt li Max spiċċa fit-tielet post huwa minħabba l-iżbalji ta’ Leclerc u mhux minħabba li kien megħjun mit-team tiegħu stess. Dan ifisser li ntremew 10 punti fit-taqtiegħa kontra l-istess Leclerc.”
Huwa kkritika wkoll il-karozza li biha jsuq Max meta sostna li din xejn ma tikkumplimenta l-karatteristiċi tiegħu minħabba li fiha xi nuqqasijiet għall-istil tiegħu … speċjalment fil-GP ta’ Manoco li b’dak id-dawrien kollu, huwa kellu bżonn karozza aktar veloċi.