Monday, November 11, 2024

Formula Wieħed: Max Verstappen jirbaħ il-Grand Prix tal-Istati Uniti

Aqra wkoll

Is-sewwieq Olandiż tal-Formula Wieħed, Max Verstappen (Red Bull), irreġistra wirja mpekkabbli hekk kif għeleb lil Lewis Hamilton biex rebaħ il-Grand Prix tal-Istati Uniti li kien wieħed drammatiku biex laħaq ir-rekord ta’ rebħiet fi staġun wieħed.

Verstappen kien qed jikkontrolla t-tiġrija sakemm id-dewmien fl-aħħar pit stop tiegħu ta vantaġġ lil Hamilton u deher li seta’ jikkuntenta bit-tielet post hekk kif Charles Leclerc (Ferrari) kien qed jokkupa t-tieni post.

Din il-problema tal-pit-stop tat ċans lil Hamilton itemm in-nixfa tar-rebħ tiegħu u tal-Mercedes fi staġun diffiċli għal dan it-team.

Iżda r-ritmu taċ-champion tad-dinja l-ġdid kien wisq irreżistibbli hekk kif Verstappen attakka u rnexxielu jaqbeż lil Hamilton fis-sitt dawra mit-tmiem, bis-sewwieq Britanniku ma seta’ jagħmel xejn quddiem il-qawwa u l-veloċitá ta’ Verstappen li rebaħ f’ħin ta’ 1:42.11.687.

It-13-il rebħa ta’ Verstappen din is-sena hija ugwali għar-rekord ta’ rebħiet fi staġun wieħed irreġistrata minn Michael Schumacher u Sebastian Vettel, u kienet biżżejjed biex ir-Red Bull jiksbu t-titlu tal-kostrutturi għall-ewwel darba mill-2013 …  biex kisbu doppjetta wara li Verstappen rebaħ il-kampjonat ġimagħtejn ilu fil-Grand Prix tal-Ġappun.

Charles Leclerc tal-Ferrari spiċċa fit-tielet post megħjun miż-żewġ perjodi tas-safety car. Huwa kien segwit mill-Messikan Sergio Perez (Messiku), miż-żewġ Britanniċi George Russell (Mercedes) u Lando Norris (McLaren) u l-Ġermaniż Sebastian Vettel (Aston Martin).

Verstappen iddedika din ir-rebħa lill-fundatur tar-Red Bull Dietrich Mateschitz, li miet nhar is-Sibt li għadda.

Sport