Monday, November 4, 2024

Formula Wieħed: Max Verstappen jirreġistra t-tielet rebħa konsekuttiva

Aqra wkoll

Is-sewwieq tar-Red Bull, l-Olandiż Max Verstappen, irreġistra t-tielet rebħa konsekuttiva u l-ħames tiegħu f’seba’ tiġri­jiet hekk kif rebaħ il-Grand Prix ta’ Spanja fiċ-ċirkwit ta’ Katalunja. 

Din kienet l-40 rebħa tas-sewwieq ta’ 25 sena biex kompla żied il-vantaġġ f’ras il- klassifika għal 53 punt fuq il-kollega tiegħu, il-Messikan Sergio Perez. 

Verstappen, li waqqaf l-arloġġ f’ħin ta’ 1:27:57.940, kien segwit miż-żewġ Britanniċi, Lewis Hamilton u George Russell, f’ġurnata nkoraġġanti għat-team tal-Mercedes.  

Russell kellu sfida qawwija minn Perez li beda jixtħet pressjoni kbira biex jitla’ fuq il-podju u biex ma jitlifx aktar punti fil-konfront tal-leader Verstappen. Iżda s-sewwieq tal-Mercedes baqa’ konċentrat sal-linja tat- tmiem. 

Min-naħa tas-sewwieq tal-Ferrari, l-Ispanjol, Carlos Sainz, kellu prestazzjoni diżappuntanti minħabba li spiċċa fil-ħames post wara li beda mit-tieni pożizzjoni, hekk kif tmien dawriet mit-tmiem ċeda r-raba’ post.  

Il-veteran Spanjol Fernando Alonso (Aston Martin), li bħalissa qed jiġbed l-attenzjoni minħabba li huwa sewwieq trasformat, temm fis-seba’ post wara li fl-aħħar pit-stop kien fl-10 pożizzjoni.   

Huwa beda jattakka lill-kollega tiegħu, il-Kanadiż Lance Stroll iżda eventwalment għarraf lit-team bir-radju li ma kien hemm l-ebda riskju bis-sitt pożizzjoni hekk kif huwa waqaf milli jkompli jattakka. 

Klassifika ġenerali (ta’ fuq): 170 – Max Verstappen; 117 – Sergio Perez; 99 – Fernando Alonso; 87 – Lewis Hamilton; 5 – George Russell; 58 – Carlos Sainz; 42 – Charles Leclerc; 35 – Lance Stroll.

Sport