Is-sewwieq Messikan, Sergio Perez (Red Bull) fetaħ beraħ l-isfida tal-kampjonat tal-Formula Wieħed meta għeleb lill-kollega tiegħu, l-Olandiż Max Verstappen, biex rebaħ il-Grand Prix tal-Azerbaijan.
Perez kien vantaġġjat fil-fażi bikrija grazzi għas-safety car iżda kien diġà qed juri ritmu tajjeb biex imbagħad ikkontrolla t-tiġrija sat-tmiem fejn irreġistra ħin ta’ 1:32:42.436 …. 2.137 sekondi aktar veloċi minn Verstappen.
U filwaqt li t-team tar-Red Bull kiseb l-aħjar żewġ pożizzjonijiet, issa Perez naqqas id-distakk għal sitt punti fil-konfront tal-leader Verstappen.
Kien tmiem il-ġimgħa brillanti għal Perez, li ħa l-unuri wkoll fit-tiġrija tal-isprint tas-Sibt.
Fit-tielet post daħal is-sewwieq minn Monaco, Charles Leclerc (Ferrari) segwit miż-żewġ Spanjoli, Fernando Alonso (Aston Martin) u Carlos Sainz (Ferrari), il-Britanniku Lewis Hamilton (Mercedes) u l-Kanadiż Lance Stroll (Aston Martin).
Meta saru erba’ tiġrijiet, il-klassifika hija:
93 – Max Verstappen; 87 – Sergio Perez; 60 – Fernando Alonso; 48 – Lewis Hamilton; 34 – Carlos Sainz; 28 – Charles Leclerc, George Russell.