Thursday, December 26, 2024

“Forsi wasal iż-żmien li tinfetaħ skema ħalli tirregolarizza persuni bħal Kusi”

- L-Avukat Adrian Sciberras

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-każ ta’ Kusi Dismark, immigrant mill-Ghana li minkejja li kien ilu 13-il sena f’pajjiżna u kien xempju ta’ integrazzjoni, spiċċa ittieħed fid-detenzjoni u kien deportat. L-argumenti ma naqsux. 

Imma meta tant ngħidu u nisħqu fuq il-bżonn ta’ integrazzjoni ta’ dawn il-persuni, il-fatt li din il-persuna ġiet deportata ma twassalx messaġġ ħażin għall-integrazzjoni?

Din kienet id-domanda li għamilna lil avukat Adrian Sciberras, wieħed mill-avukati ta’ Kusi, li proprju nhar il-Ġimgħa ħalla Malta biex jirritorna lejn il-Ghana.  Lil Kusi għad nistgħu nerġgħu narawh fostna u dan għax ingħatatlu l-possibilita’ biex ikun jista’ jittorna b’mod regolari.

L-Avukat Sciberras fil-kummenti tiegħu lil IT-TORĊA qalilna li “sfortunatament, meta l-awtoritajiet dak iż-żmien tawh ir-rifjut għal asil, huma suppost irripatrijawh.

Trid tifhem ix-xenarju f’dak iż-żmien, fejn il-problema tal-immigrazzjoni kienet iktar akuta u l-forzi tal-ordni ma kienux ilaħħqu bin-numru ta’ immigranti irregolari li jidħlu. Allura kienu jagħtuhom permess ‘temporanju’ u bihom ikollhom ċertu drittijiet limitati. Dan il-permezz jibqa’ dejjem jiġġedded għal żmien indeterminat u ikunu jistgħu jaħdmu u joperaw negozju.”

Saħaq li “fis-sena 2018 kienet ħarġet skema imsejħa Specific Residence Authorisation sabiex tkun tista’ tindirizza numru ta’ persuni li kienu jinsabu ngħidu aħna fil-limbu.  Forsi wasal iż-żmien biex skema bħal din jew simili terġa’ tinfetaħ ħalli tkun tista’ tirregolarizza persuna bħal Kusi. Minn dawn hawn mijiet minnhom hekk imsejħa ‘failed asylum seeker’.”

 Jitkellem dwar il-kuntatt tiegħu ma’ Kusi proprju qabel ħalla Malta u jgħidilna li “jien flimkien mal-kollega tiegħi kellimnih u kien seren. Ovvjament kien jinsab dispjaċut li se jkollu jitlaq hekk imma se jiltaqa’ lura ma’ ommu, u se tingħatalu il-possibilità biex ikun jista’ jittorna b’mod regolari. Mhux xi ħaġa li ser tiġri mill-ewwel għax ikun hemm proċess ta’ karti li jieħu iż-żmien tiegħu imma il-bieb jibqa’ miftuħ.”

Ekonomija

Sport