Grupp ta’ 10 żgħażagħ b’diżabilitajiet differenti b’etajiet li jvarjaw minn 13 sa 30 sena, se jiffurmaw parti minn forum bil-għan li jwasslu l-vuċi tas-settur tagħhom kull meta tkun se titfassal policy li tista’ tolqothom. Il-forum se jitwaqqaf mill-Aġenzija Żgħażagħ b’riżultat ta’ ftehim bejn Aġenzija Żgħażagħ u l-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità (CRPD). Il-forum, Young People for Disability Rights Forum se jkun il-pjattaforma li tagħti l-opportunità lil dawn iż-żgħażagħ jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom.
Permezz ta’ dan il-ftehim, Aġenzija Żgħażagħ se tħarreġ lill-istess żgħażagħ parteċipanti fih dwar parteċipazzjoni f’fora pubblika kif ukoll fil-mod kif jitfasslu rakkomandazzjonijiet li jista’ jkollhom għall-kunsiderazzjoni tal-awtoritajiet konċernati.
Il-forum se jgħin għal titjib fil-parteċipazzjoni sħiħa ta’ żgħażagħ b’diżabbiltà fl-oqsma soċjali u ekonomiċi tal-ħajja. Sadanittant, Aġenzija Żgħażagħ u l-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità se jibqgħu kontinwament jaħdmu flimkien fir-riċerka dwar forom differenti ta’ inklużjoni għal żgħażagħ b’diżabilità.
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli kienet preżenti għall-iffirmar ta’ ftehim u ddeskrivietu bħala turija oħra ta’ kemm il-gvern għandu fiduċja fiż-żgħażagħ. “Dejjem emminna li ladarba tintwera fiduċja fihom, iż-żgħażagħ huma kapaċi jġorru r-responsabbiltà li ġġib magħha tali fiduċja. Nemmnu bis-sħiħ li ħadd daqs dawk konċernati ma jista’ jkun ta’ kontribut għas-settur tiegħu stess meta tkun se titfassal policy dwar is-settur partikolari. F’dinja li qed toffri sfidi ġodda, qed isir aktar importanti li nuru fiduċja fiż-żgħażagħ. L-għan tal-istrateġija nazzjonali għaż-żgħażagħ għas-snin 2021-2030 bit-tema ‘Lejn 2030 maż-żgħażagħ u għaż-żgħażagħ’ huwa eżattament dan, li jgħin liż-żgħażagħ jirbħu l-isfidi li jiltaqgħu magħhom kemm issa kif ukoll fis-snin li ġejjin,” qalet il-Ministru Farrugia Portelli.
Il-ministru qalet ukoll li dan il-forum qed isir fl-aktar ħin ideali hekk kif fi ftit tal-jiem oħra l-gvern se jippubblika l-Istrateġija Nazzjonali għall-Persuni b’Diżabblità. Il-ministru saħqet, “L-ewwel għan strateġiku huwa li nisimgħu u nappoġġjaw liż-żgħażagħ u nqajmu kuxjenza fosthom dwar suġġetti li qegħdin iħallu impatt f’ħajjithom. Nappoġġjaw u nippromwovu l-vuċi taż-żgħażagħ u nagħtuhom l-opportunitajiet kollha biex jesprimu l-ħsibijiet u l-opinjonijiet tagħhom fuq bażi kemm lokali kif ukoll Ewropea. Il-ftehim bejn Aġenzija Żgħażagħ u l-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità jkopri preċiżament dan il-prinċipju”.
Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima sostna li l-iżvilupp f’individwu jrid ikun ħolistiku u li jħares lejn perkors edukattiv li permezz tiegħu jiżviluppa b’mod sħiħ il-potenzjal tal-persuna. Dan il-potenzjal huwa essenzjali biex l-istess persuna tkunu kapaċi ssib l-irwol tagħha fis-soċjetà.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Żgħażagħ Miriam Teuma qalet li din hija inizjattiva oħra parti mill- Istrateġija Nazzjonali għaż-Żgħażagħ. Aġenzija Żgħażagħ hi l-aġenzija taż-żgħażagħ kollha u b’hekk irridu noħolqu opportunitajiet li jkomplu jsaħħu l-inklużjoni ta’ persuni b’diżabilità b’mod speċjali dawk żgħażagħ. Is-Sinjura Teuma saħqet li bħala aġenzija se jkunu qed jagħtu t-taħriġ u l-għodda meħtieġa sabiex dan il-grupp ikun jista’ jaħdem b’mod indipendenti.
Il-Kummissarju għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità Samantha Pace Gasan spjegat li dan il-forum huwa rappreżentattiv u inklussiv, li l-iskop tiegħu huwa li jsaħħaħ il-vuċi taż-żgħażagħ b’diżabilità anke permezz ta’ taħriġ li se jagħti lil dawn iż-żgħażagħ aktar kapaċitajiet u opportunitajiet sabiex iwasslu l-opinjonijiet u l-ideat tagħhom lejn soċjetà aktar inklussiva.