Friday, October 17, 2025

Fost ir-raġunijiet għala m’għandekx tafda lill-PN

Aqra wkoll

Li f’demokrazija jkun hemm opinjonijiet differenti tissaħħaħ l-istess demokrazija. Għax ġeneralment l-għan aħħari ta’ kull min ikollu opinjoni dwar ħaġa jew oħra jkun li jkun hemm titjib. Progress. U allura jkunu t-toroq li jwasslu għall-istess destinazzjoni li jistgħu jkunu differenti. Dan f’kull qasam tal-ħajja. Inkluż dak politiku. Għalhekk huwa tajjeb, bżonnjuż u tassattiv li f’demokrazija, biex verament tkun demokrazija, ikun hemm aktar minn partit politiku wieħed.

Partit politiku, fl-opinjoni tiegħi, ma tridx tħares lejh biss minn barra. Anzi. Nemmen li huwa l-ġewwieni tiegħu li għandu jirrifletti s-siwi tiegħu. Trid tħares lejh kif jaħdem internament. X’valur verament jagħti lil min jiffurmah. Lil min isostnih. Lil min jiggwidah.

Dan iwassalni għat-titlu ta’ dan il-kummentarju. Raġuni, dejjem fl-opinjoni tiegħi, li tħassibni ferm u ferm fir-rigward tal-Partit Nazzjonalista u li GĦALIHA BISS qatt ma nasal li nikkunsidrah bħala li tajjeb biex imexxi lill-pajjiż, hija dik finanzjarja. Mhux għax il-Partit Nazzjonalista għandu madwar €40 miljun dejn, imma għall-mod kif sab ruħu fiha.

Il-problema finanzjarja tal-Partit Nazzjonalista ħoloqha hu stess għalih innifsu. Ma ġietx fuqu ħabta u sabta. Ikkonċepiha, wellidha u kabbarha l-Partit Nazzjonalista nnifsu. Agħar minn hekk huwa l-fatt li issa l-Partit Nazzjonalista ilu aktar minn 12-il sena fl-Oppożizzjoni. Żmien sostanzjalment twil biex matulu kellu kull opportunità idur dawra miegħu nnifsu.

Ma nafx, m’inix membru tesserat tal-Partit Nazzjonalista, u ma nafx jekk it-tesserati tal-Partit Nazzjonalista QATTX ingħataw rendikont ta’ kif akkumula dan id-dejn kollu. Imma niddubita bis-serjetà jekk qattx ingħataw tali rendikont. Niddubita dan għax kif taf bħali lanqas il-kontijiet ma jippubblika. Inġabu mitt elf skuża biex tali rendikont ma jingħatax, bl-aħħar waħda tkun dik li kien ħareġ biha l-Kap Nazzjonalista preċedenti għal dak attwali, Dr Bernard Grech, meta qal li ma jistax isib awdituri. Jekk skuża bħal din iddaħħkikx jew tbikkikx ara int. Li nista’ ngħidlek hu li żewġ gremxuliet fuq il-gżira ta’ Filfla tgħidx kemm daħku meta semgħu lil Bernartd Grech jgħid dan.

Kif taf int, tul dawn l-aħħar 12-il sena, il-Partit Nazzjonalista kellu erba’ kapijiet differenti – Dr  Lawrence Gonzi, Dr Simon  Busuttil, Dr Adrian Delia u Dr Bernard Grech. KULL wieħed minnhom fl-ewwel diskors tiegħu wara l-ħatra wiegħed li fost il-problemi ewlenin li kien se jattakka kien hemm is-sitwazzjoni finanzjarjja tal-partit. Ebda wieħed minnhom ma solviha. Anzi. Mhux ma solvewx il-problema imma kull wieħed minnhom tefagħha taħt it-tapit. Kull wieħed minnhom ipposponiha. Minkejja li kull wieħed minnhom wiegħed l-oppost.

Lill-Kap attwali, Dr Aleks Borg, qed niskolpih minnha. Problema li sabha ma’ wiċċu, anke jekk kien jaf biha imma ma naħsibx li kien jaf it-totalità tagħha. Il-gravità tagħha.

Kif akkumula tali dejn massiċċ ma nafx, u ma naħsibx li taf int. Imma ŻGUR li fil-Partit Nazzjonalista hemm min jaf. Bħalma huwa żgur li hemm min bata u għadu jbati konsegwenza ta’ dan id-dejn, fosthom il-ħaddiema tal-partit. Sadattant ma naħsibx li min għandu jieħu mingħand il-Partit Nazzjonalista qed jiġri warajh biex jiġbor flusu daqs kemm jiġri kieku min għandu jagħtih huwa xi individwu. X’aktarx li ma’ dan tal-aħħar tintuża id tal-ħadid, imma mal-Partit Nazzjonalista jintużaw l-ingwanti tal-ħarir. Forsi għax partit politiku?

U l-istorja taċ-ċedoli? Huwa fatt magħruf, għax kien pubbliku, li l-Partit Nazzjonalista kien ħoloq skema ta’ ċedoli biex jiddejjen mingħand in-nies. Mingħand individwi. Iddejjinx ukoll mingħand kumpaniji, negozji, kbar jew żgħar, ma nafx.

Imma allura, f’aktar minn 12-il sena u taħt erba’ kapijiet differenti, il-Partit Nazzjonalista ma kellux il-ħila jsolvi problema interna bħal din? Mhux talli ma solvix il-problema talli kien hemm fosthom min is-soluzzjoni raha, u għadu qed jaraha, fil-proposta biex IL-PAJJIŻ, mit-taxxi tiegħek u tiegħi, jagħmel tajjeb għal dan id-dejn maħluq minnu nnifsu. Hekk jonqos issa!

Tnax-il sena li l-Partit Nazzjonalista għaddihom fi ġlied intern kontinwu. F’tibdil ta’ Kapijiet, b’mod demokratiku u mhux. B’tnawwir tar-rieda tal-maġġoranza tat-tesserati biex dak li riedu PONN nies li f’idejhom għandhom ir-riedni tal-Partit Nazzjonalista, u bl-aktar mod anti-demokratiku jaraw li fit-tmexxija tal-partit ikun hemm min iridu huma.

Il-mistoqsija konsegwenzjali hija naturali: kif nista’ bħala partit politiku nafdak bil-finanzi tal-pajjiż meta fi 12-il sena ma kontx kapaċi ssolvi problema finanzjarja interna li mhux ġiet fuqek għall-għarrieda, imma li ħloqt int stess għalik innifsek?

[email protected]

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport