Monday, November 4, 2024

F’pajjiż b’aktar minn 200 spiżerija, 90% tal-popolazzjoni tista’ tilħaq spiżerija bil-mixi

- Jikteb Yan Grima

Aqra wkoll

L-Ispiżjar: Rwol dejjem iżjed importanti fil-lokalità u l-komunità

Hekk kif illum qed infakkru l-Jum Dinji tal-Ispiżjara, huwa importanti li nirriflettu fuq ir-rwol kruċjali tal-ispiżjara fil-kura tas-saħħa, partikolarment hawn Malta.

Is-sistema tal-kura tas-saħħa ta’ pajjiżna saret tiddependi ħafna fuq l-ispiżjara, mhux biss għaliex ibiegħu il-mediċina iżda wkoll għaliex illum, dawn huma fdati mill-pazjenti nfushom għall-pariri dwar saħħithom. 

Bħala spiżjar, inħossni kburi bil-mod kif evolviet il-professjoni tagħna. Illum, m’aħniex biss spiżjara iżda professjonisti tal-kura tas-saħħa li kapaċi nservu bħala l-ewwel punt ta’ kuntatt mal-pazjenti biex ngħinuhom b’kull informazzjoni li jkollhom bżonn. M’aħniex hawn biss biex nagħtu l-mediċina skond ir-riċetta tat-tabib iżda kapaċi nimmaniġjaw mistoqsijiet kumplessi marbuta mas-saħħa. 

F’Malta, l-ispiżjara huma fdati ħafna. Stħarriġ li sar dan l-aħħar sab kif ‘il fuq minn 91% tal-popolazzjoni Maltija tħares lejn l-ispiżjara bħala professjonisti tas-saħħa li huma bżonnjużi ħafna. 

Din il-fiduċja teżisti għaliex l-ispiżjar huwa aċċessibbli ħafna u minħabba l-fatt li faċli ssib spiżerija miftuħa. Fil-fatt, f’pajjiż b’aktar minn 200 spiżerija komunitarja f’Malta u Għawdex, 90% tal-popolazzjoni tista’ tilħaq spiżerija bil-mixi. Din l-aċċessibbiltà hija importanti ħafna speċjalment għall-anzjani, li ħafna drabi jistgħu jingħataw parir mediku f’waqtu mingħajr il-ħtieġa li jridu jistennew appuntament mat-tabib.

Ir-rwol tradizzjonali tal-ispiżjar inbidel għaliex f’dawn l-aħħar snin, bħala spiżjara, ħadna iżjed responsabbiltajiet fosthom niċċekkjaw għal sintomi marbuta mas-saħħa u pariri dwar stil ta’ ħajja li jaffettwa s-saħħa. 

Permezz ta’ din il-bidla, illum għandna rwol important fil-kura preventiva fejn kapaċi ngħinu lill-pazjenti jimmaniġġjaw kundizzjonijiet kroniċi bħalma huma d-dijabete, il-pressjoni għolja u l-ażma. Illum għandna rwol essenzjali sabiex niżguraw li l-pazjenti jkunu qed jimxu kif suppost mal-pjan tat-trattament u ngħinuhom jifhmu l-pariri mediċi li jkunu ħadu.

Dan ir-rwol aktar wiesa’ tagħna l-ispiżjara ġej ukoll mill-fatt li llum, il-kura tas-saħħa saret iżjed kumplikata. M’aħniex hawn biss biex nagħtu l-mediċina iżda għandna rwol attiv fil-kura tal-pazjenti għaliex kapaċi nagħtuhom pariri biex jieħdu ħsieb saħħithom aħjar permezz ta’ pariri dwar liema hi l-aħjar mediċina għalihom u l-aħjar mod kif jużawha. Illum xogħolna jikkumplimenta x-xogħol tat-tabib u ta’ professjonisti oħra tas-saħħa.

Eżempju eċċellenti ta’ dan ir-rwol estiż huwa d-dijanjostika tal-Point of Care (PoC). F’Vivian, permezz tal-imsieħba tagħna Roche Diagnostics u Roche Diabetes, qed nagħtu s-setgħa lill-ispiżjara bl-għodda biex joffru servizzi dijanjostiċi direttament fl-ispiżeriji. Din il-kapaċità li timmaniġġja d-dejta dijanjostika mill-ispiżerija ssaħħaħ ir-rwol tagħna fil-kura tal-pazjent u tippermetti esperjenza tal-kura tas-saħħa aktar ħolistika.

Għal ħafna Maltin, l-ewwel post li jżuru meta jkollhom bżonn xi ħaġa marbuta mas-saħħa hija l-ispiżerija. L-ispiżjara jiġu konsultati dwar problemi jew uġigħ għaliex huma fdati li jagħtu pariri siewja dwar x’għandu jagħmel il-pazjent. Din il-konvenjenza tnaqqas ukoll ħafna mill-piż fuq it-tobba biex dawn ikunu jistgħu jikkonċentraw fuq id-djanjożi u t-trattament filwaqt li l-ispiżjara jistgħu jgħinu billi jagħtu l-mediċina u jedukaw lill-pazjenti.

Ma rridux ninsew ukoll l-aspett ambjentali għaliex l-ispiżeriji issa qed joffru wkoll servizz fejn kull min għandu mediċini skaduti jew mhux iżjed bżonnjużi, dawn jistgħu jittieħdu lura fl-ispiżeriji biex jintremew kif suppost u b’hekk ikun evitat li l-mediċini jintremew bl-addoċċ bi ħsara lill-ambjent.

L-effett pożittiv li kapaċi jwasslu l-ispiżjara fuq is-saħħa tal-pazjenti hija wkoll ippruvata bil-fatti għaliex instab li iżjed ma l-pazjenti jafdaw lill-ispiżjara, il-pazjenti qed ifiequ b’iżjed suċċess għaliex jimxu mal-pariri u jieħdu l-mediċini li jkunu tawhom l-ispiżjara.

Ir-rabta bejn il-fiduċja fl-ispiżjar u saħħa aħjar, hija waħda li tiddependi fuq ir-relazzjoni li wieħed jibni ma’ l-ispiżjar – rabta li tagħmel ġid lill-pazjent stess.

Hekk kif il-kura tas-saħħa qed tkompli tevolvi, hekk għandu jibqa’ jevolvi r-rwol ta’ kull spiżjar. Il-kontribut tagħna huwa wieħed ħaj u għandna nibqgħu nadattaw għall-bidliet fil-qasam tas-saħħa u l-ħtiġijiet dejjem jinbidlu tal-pazjenti.

Bħala spiżjara, dan nifhmuh sew u kien għalhekk li l-kumpanija tagħna Vivian waqqfet il-Vivian Academy – biex inkunu nistgħu inkomplu nassistu u nedukaw lill-ispiżjara f’Malta permezz ta’ inizjattivi edukattivi, programmi ta’ taħriġ u riżorsi li jindirizzaw l-isfidi li kull spiżjar jiltaqa’ magħhom illum.

L-ispiżjara żgur li se jkomplu jwasslu iżjed valur bl-introduzzjoni ta’ iżjed għodda ta’ djanjostika, iżjed involviment fl-immaniġġjar ta’ saħħa u kura preventiva.

Għalhekk, aħna u nfakkru l-Jum Dinji tal-Ispiżjara, ejjew nagħrfu r-rwol importanti ta’ kull spiżjar fil-qasam tal-kura tas-saħħa u l-impatt pożittiv li l-ispiżjar kapaċi jwassal fil-komunità.

Sport