Bħalissa madwar 32 tifel u tifla qed jieħdu l-kura kontra l-kanċer bi tlieta minnhom qegħdin jirċievu l-kura barra minn Malta. Dan ikkonfermat il-Ministru għas-Saħħa Jo Etienne Abela fil-Parlament meta kien qed iwieġeb għall-mistoqsija Parlamentari li saritlu mid-Deputata Nazzjonalista Graziella Attard Previ.
Il-Ministru tas-Saħħa irrimarka li kull sena ikun hawn medja ta’ bejn 15 u 20 każ ġdid u li t-trattament normalment idum bejn sitt xhur u tliet snin. Qal ukoll li meta hu possibbli, l-ispeċjalisti tal-kura kontra l-kanċer jiġu Malta biex il-pazjenti jkunu jistgħu jirċievu t-trattament meħtieġ mingħajr il-bżonn li jivvjaġġaw barra minn Malta.
Il-Ministru Abela enfasizza li f’każi rari ħafna, ikun jeħtieġ apparat mediku avvanzat u speċifiku li mhux disponibbli f’Malta u jeħtieġ speċjalisti partikolari biex joperawh. Spjega li ġieli jiġri wkoll li minħabba li n-numru ta’ każijiet f’Malta huwa limitat ħafna, il-professjonisti ma jistgħux jispeċjalizzaw f’ċerti trattamenti kif jiġri fi sptarijiet kbar barra minn Malta, fejn is-severità u l-frekwenza ta’ każijiet kumplessi huma ħafna akbar.