Il-President tal-ACE Michelle Muscat qalet li fil-ġżejjer Maltin bħalissa hawn madwar 3,800 stabbiliment tal-ikel irreġistrati filwaqt li hemm 450 applikazzjoni oħra biex operaturi ġodda jidħlu f’dan is-settur.
Qalet li ċ-ċifri juru li f’din l-industrija jaħdmu ’l fuq minn 30,000 ħaddiem.
“Dan ifisser li dan is-settur jimpjega 10.2% tal-ħaddiema kollha tal-pajjiż,” qalet Muscat. “Il-figuri jitkellmu weħidhom u għalhekk l-industrija tal-ikel hija meqjusa bħala waħda vibranti fil-pajjiż u ta’ importanza kbira għall-ekonomija,” kompliet tgħid Muscat.
Hija qalet ukoll li skont id-dokument ta’ konsultazzjoni dwar il-Labour Migration Policy ta’ Malta, is-setturi tal-ikel, tal-bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut, l-akkomodazzjoni u t-trasport, irreġistraw l-akbar żieda fl-impjiegi ta’ Third Country Nationals, b’24,570 impjieg addizzjonali mimlija minn dawn il-ħaddiema bejn l-2013 u l-2023. Dan jammonta għal 33.9% tal-impjieg kollu tat-TCN fl-2023.
Muscat tenniet li minkejja li hemm qbil nazzjonali li din l-industrija għandha tagħti opportunitajiet lit-talent lokali, wieħed irid iżomm f’moħħu li fl-aħħar għaxar snin kien hemm 2,751 ħaddiem Malti li telqu minn din l-industrija, filwaqt li s-sena li għaddiet gradwaw 300 student mill-ITS bl-akbar ammont bil-Masters.
“Irridu naraw dawn l-istudenti fejn qegħdin imorru jaħdmu… Hija sfida kbira li tkompli tintensifika minħabba l-perċezzjoni negattiva ta’ sigħat twal u pagi baxxi,” qalet il-President tal-ACE.
Tenniet li llum il-ġurnata rridu nagħmlu enfasi dwar il-migration policy li għandha tirregola t-TCNs, iżda fl-istess ħin wieħed irid ikun realistiku, ġust u prattiku mal-industrija tal-ikel. “Irid ikun hemm enfasi dwar l-iproċessar tal-VISA li ma tkunx ta’ xkiel għal industrija,” kompliet tgħid Muscat.
Fid-diskors tagħha, Muscat ukoll diversi miżuri li ħa l-Gvern biex ikompli jsaħħaħ it-turiżmu f’pajjiżna fosthom b’titjiriet diretti bejn Malta u New York u anke qegħdin jipprovaw isibu swieq ġodda fl-Amerika t’Isfel.

