Bejn Ottubru u Diċembru tas-sena li għaddiet f’pajjiżna seħħew żewġ inċidenti fatali. Dan intqal fi stqarrija li ġiet ippublikata mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO)
L-istqarrija tgħid li matul ir-rabaʼ kwart tal-2025, kemm l-aċċidenti tat-traffiku kif ukoll il-persuni midruba fihom naqsu meta mqabbla mal-istess perjodu sena qabel. Kien hemm żewġt imwiet fl-aċċidenti tat-traffiku.
L-għadd tʼaċċidenti tat-traffiku rrappurtati tul ir-rabaʼ kwart tal-2025 laħaq it-3,694, tnaqqis taʼ 6.7 fil-mija fuq l-istess żmien tal-2024. L-akbar numru tʼaċċidenti kienu rreġistrati fid-distrett tat-Tramuntana tal-Port bʼ1,200 każ jew 32.5 fil-mija tal-aċċidenti kollha.
It-tidrib fl-aċċidenti tat-traffiku naqas bʼ10.8 fil-mija u niżel għal 332 meta mqabbel mal-istess perjodu tal-2024. Il-persuni midrubin gravi kienu 103 u involvew 60 sewwieq, 12-il passiġġier u 31 persuna miexja/bir-rota/oħrajn.
Il-ġrieħi mġarrbin minn żewġ sewwieqa kienu fatali (Tabelli nri 4-6). Bʼhekk, l-imwiet fʼdawn fl-aċċidenti naqsu bʼwieħed fuq l-istess perjodu tal-2024.
L-akbar għadd taʼ dawk li ndarbu gravi kienu rġiel – 65.1 fil-mija. Barra minn hekk, il-persuni li mietu fʼaċċidenti tat-traffiku kienu raġel u mara. Skont l-etajiet, 28.6 fil-mija tat-tidrib kien jinvolvi persuni taʼ bejn il-41 u d-59 sena.
L-NSO jirraporta li l-akbar għadd taʼ tidrib mill-aċċidenti tat-traffiku – 48.5 fil-mija kien jinvolvi karrozzi tal-passiġġieri. Warajhom, ġew dawk li kienu jinvolvu muturi – 40.1 fil-mija u vetturi tal-ġarr tal-merkanzija – 6.3 fil-mija.
Il-fatalitajiet li seħħew fl-aċċidenti tat-traffiku involvew żewġ sewwieqa li ħabtu maʼ vettura oħra. Iċ-ċiklisti involuti fl-aċċidenti tat-traffiku kienu disgħa, bi tlieta minnhom iġarrbu ġrieħi gravi, ħamsa jindarbu ħafif u wieħed iġarrab ġrieħi insinifikanti. It-tidrib ikkaġunat minn ħbit bejn vetturi kien l-aktar komuni bʼ59.6 fil-mija tat-tidrib kollu li seħħ fl-aċċidenti tat-traffiku.
L-akbar għadd taʼ tidrib mill-aċċidenti tat-traffiku ġara fil-jum tat-Tnejn bʼ59 tidriba, filwaqt li l-akbar għadd tʼaċċidenti ġara fil-jum tal-Ġimgħa bʼ609 każijiet jew 16.5 fil-mija tat-total (Tabella nru 8). Il-maġġoranza tal-aċċidenti tat-traffiku seħħew bejn 12:00 u 14:59 bi 844 każ jew 22.9 fil-mija tat-total, segwiti minn dawk li ġraw bejn 09:00 u 11:59 bi 843 każ. L-inqas għadd tʼaċċidenti ġraw bejn 00:00 u 02:59 bʼ56 każ (Tabella nru 9).
L-ogħla inċidenza tʼaċċidenti tat-traffiku kienet irreġistrata fʼĦal Qormi bʼ202 każijiet, segwita minn Birkirkara u Il-Marsa, bʼ201 u bʼ183 każ rispettivament.
Il-Kalkara, Il-Fontana, San Lawrenz u L-Għasri rreġistraw anqas minn ħames aċċidenti tat-traffiku.
Meta mqabblin mal-istess żmien tas-sena taʼ qabel, id-distretti kollha rrapurtaw tnaqqis fl-aċċidenti tat-traffiku, minbarra d-distretti tax-Xlokk u t’Għawdex u Kemmuna. Id-distrett tat-Tramuntana rreġistra l-akbar tnaqqis fil-persentaġġ tal-aċċidenti tat-traffiku bi 17.1 fil-mija, filwaqt li d-distrett t’Għawdex u Kemmuna rreġistra l-akbar żieda fil-persentaġġ bʼ20.1 fil-mija.
Fir-rapport tagħha l-NSO titkellem ukoll dwar is-sena sħiħa tal-2025. Tgħid li l-għadd ta’ mwiet laħaq it-18. Dan huwa żieda taʼ sitta meta mqabbel mas-sena ta’ qabel. L-aċċidenti rrappurtati bit-tidrib ammontaw għal 1,153, tnaqqis ta’ 131 jew 10.2 fil-mija meta mqabblin mal-2024. Barra minn hekk, l-aċċidenti bla tidrib ammontaw għal 13,951, tnaqqis ta’ 1,368 każ jew 8.9 fil-mija fuq il-każijiet irrapportati s-sena taʼ qabel. It-tieni kwart tal-2025 irreġistra l-ogħla għadd ta’ aċċidenti (4,026), filwaqt li t-tielet kwart tal-2025 irreġistra l-ogħla għadd ta’ mwiet 7.

