Saturday, December 21, 2024

“F’pandemija l-ħaddiema tax-xatt huma frontliners għaliex qegħdin jassiguraw li pajjiżna jibqa’ jirċievi l-konsenji kollha neċċessarji”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

F’laqgħa mal-Malta Dockers Union (MDU), il-Prim Ministru Robert Abela faħħar u rringrazzja lill-ħaddiema kollha li jaqilgħu l-għajxien tagħhom mill-portijiet ta’ Malta u Għawdex tas-servizz kontinwu li qegħdin jagħtu b’dedikazzjoni f’pandemija.

Huwa nnota wkoll kif il-unjin baqgħet tipprogressa matul is-snin u kif dan is-settur ma waqaf qatt jaħdem.

“Tassew jimlini b’kuraġġ li nara unjin bħal l-MDU tikber, timmodernizza u tkun innovattiva biex tilħaq l-għanjiet tagħha. Il-livell ta’ sapport li hemm min-naħa tal-ħaddiema huwa xhieda tal-ħidma intensiva u organizzata tagħkom. Dan is-settur huwa tassew kruċjali għall-pajjiż u ntenni l-impenn tagħna bħala gvern li nibqgħu nagħtu s-sapport kollu li hemm bżonn sabiex tkomplu tilħqu l-għanjiet tagħkom”, qal il-Prim Ministru.

Min-naħa tiegħu, il-President tal-MDU Ryan Fava qal li l-għan aħħari tal-unjin jibqa’ l-protezzjoni tal-ħaddiema tax-xatt.

“Irridu nkomplu nevolvu, nixprunaw u nkunu ta’ servizz għall-operaturi tat-terminals li jaħdmu kemm f’Malta u kif ukoll f’Għawdex. Għandna proġetti kbar għaż-żmien li ġej u se nassiguraw li nkunu iżjed innovattivi biex b’hekk noffru l-għajnuna li hemm bżonn fix-xogħol marittimu. Irridu nkomplu nimmodernizzaw ħalli nilħqu l-ħtiġijiet li hemm bżonn. L-importanti li dejjem nipproteġu x-xogħol”, temm jgħid is-Sur Fava.

Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg u ċ-Chairman u Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta Joseph Bugeja.

Ekonomija

Sport