Il-Kappillan ta’ Marsaxlokk Luke Seguna ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li dalgħodu kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront tiegħu.
Il-Kappillan qed jiġi akkużat li ffroda madwar €500,000 mogħtija lilu minn parruċċani, liema akkużi huwa qiegħed jiċħad.
Wara x-xhieda ta’ diversi persuni, l-avukati difensuri talbu għall-ħelsien mill-arrest imma l-prosekuzzjoni oġġezzjonat għax qalet li għad baqa’ xhieda oħra x’jixhdu.
Il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, li qed tisma’ l-provi, laqgħet it-talba u ħelset lil Fr Seguna mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet.
Kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest:
- Ordnat jgħix fir-residenza tal-ġenituri tiegħu u li ma joħroġx bejn 9.30 p.m u s-7:00 a.m.
- Ordnat ma jmurx lejn Marsaxlokk jekk mhux biex jiġbor l-affarijiet tiegħu fil-preżenza tal-Pulizija.
- Projbit milli jsiefer mingħajr il-permess tal-Qorti
- Projbit milli javviċina xhieda jew ikellem lil dawk li taw donazzjonijiet.
- Ordnat jiffirma darbtejn fil-ġimgħa.
- Ordnat iħallas depożitu ta’ €20,000 u garanzija personali ta’ €30,000.
12:30 p.m: Jixhdu uħud minn dawk li taw id-donazzjonijiet
Taw ix-xhieda tagħhom b’rabta ma’ dan il-każ xi persuni li taw id-donazzjonijiet tagħhom. Fost l-ewwel xhieda tkellem Darren Desira li jaħdem fis-settur tal-kostruzzjoni u qal li lil Fr Luke jafu minn Marsaxlokk minħabba l-irwol li kien jaqdi.
Huwa kompla biex jgħid li hu personalment tah diversi donazzjonijiet biex jgħinu jkompli jagħmel xogħol siewi li kien għamel f’Marsaxlokk. “Qatt ma staqsejtu x’se jagħmel bil-flus għax għandu l-fiduċja kollha tiegħi”, saħaq Desira filwaqt li ddikjara li qatt ma kien talbu rċevuti.
Żied jgħid li hu kien jagħmel dan għax kien jara x-xogħol li kien isir u li Fr Luke għamel ħafna mal-komunità ta’ Marsaxlokk kemm fejn jidħol xogħol ta’ manutenzjoni fil-Knisja kif ukoll għajnuniet lil persuni li jkollhom bżonn.
Intwera żewġ ċekkijiet ta’ €1,400 u €1,800
Xehed ukoll Mario Desira, li jiġi ħu Darren Desira li xehed aktar qabel. Huwa qal li hu wkoll jaħdem fis-settur tal-kostruzzjoni.
Qal ukoll li lil Fr Luke sar jafu minħabba l-irwol li kien jaqdi bħala Kappillan u li minn hemm saru ħbieb.
“Jien tajthomlu u daqshekk… il-kumplament f’idejh”
Xehed ukoll Michael Azzopardi. Azzopardi li huwa pensjonant residenti Marsaxlokk qal li ilu jaf lil Seguna sitt snin kemm ilu jaqdi l-irwol fil-lokalità. Huwa qal kif flimkien mal-mara tiegħu ħarġu ċekk lil Fr Luke b’donazzjoni ta’ €2,000 u li tawh dawk il-flus biex jużahom bl-aħjar mod għall-knisja.
“Jien tajthomlu u daqshekk… il-kumplament f’idejh”, qal Azzopardi filwaqt li fakkar dwar il-ħtieġa li minn żmien għal żmien ikun hemm bżonn ta’ manutenzjoni fil-knisja.
Huwa kompla biex jgħid li hu kien jaf li Fr Luke jgħin ħafna familji fil-bżonn u li għalhekk tah dawn il-flus biex jagħmel bihom dak li jħoss hu.
11:30 a.m: Mhux se jkun hemm xhieda li jixhdu wara bibien magħluqa
Il-Maġistrat ċaħdet ir-rikorsi mressqa mid-Difiża u għaldaqstant mhux se jkun hemm xhieda li jixhdu wara bibien magħluqa. Ġiet miċħuda wkoll it-talba tal-AĠ biex ix-xhieda jixhdu bil-video conference.
10:00 a.m: “Ħajti spiċċat”… Tkompli l-kumpilazzjoni kontra Fr Luke Seguna
Quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni kontra Fr Luke Seguna, li kien il-Kappillan ta’ Marsaxlokk. Huwa qed ikun mixli b’misapproprazzjoni, frodi u ħasil ta’ flus.
L-Avukat Matthew Xuereb, li qed jidher għal Fr Seguna, talab lill-Qorti biex tippermetti li x-xhieda jixhdu wara bibien magħluqa u ddikjara li għandu riservi minħabba rapporti fil-midja. “Fr Seguna stess ma jridx li l-pożizzjoni tiegħu bħala qassis la tintuża favurih u lanqas kontrih,” qalet id-Difiża.
“F’dan il-każ kellna mhux biss ‘open justice principle’ imma bibien miftuħa. Mhux għax dan hu membru tal-kleru jew jokkupa din il-pożizzjoni tintuża kontrih,” saħqet id-Difiża. “M’għandniex problema li l-bibien magħluqa jkunu limitati biss meta jitilgħu l-allegati vittmi.”
Min-naħa tiegħu, l-Avukat Andrea Zammit mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qal li t-talba tad-Difiża biex ix-xhieda jinstemgħu fil-magħluq mhix ibbażata fuq prinċipji legali. Qal ukoll “inħoss li huwa doveruż li naċċenna li f’dak ir-rikors saret allegazzjoni fil-konfront tal-prosekuzzjoni li b’xi mod uffiċjal pubbliku seta’ għadda informazjoni lil persuni terzi.”
Kien hawn fejn Dr Xuereb intervjena u qal “din għandha tiġi investigata”. Dr Xuereb tkellem ukoll fuq l-impatt li kellu l-każ fuq il-klijent tiegħu. “Il-problema tiegħi li dan ir-raġel (l-imputat), fi kliemu stess ‘ħajti spiċċat’.”