Tuesday, December 24, 2024

FR LUKE SEGUNA … PREŻUNT INNOĊENTI

Aqra wkoll

Proprju nhar il-Ġimgħa, Fr Luke Seguna, li kien iservi bħala kappillan ta’ Marsaxlokk tressaq il-Qorti b’akkużi marbuta ma’ misapproprjazzjoni ta’ fondi u ħasil ta’ flus.  Mhux se nidħlu fil-mertu tal-każ għax dan issa jinsab quddiem il-Qorti biex hemmhekk ikunu stabbiliti l-fatti.

Se nitkellmu imma fuq dak li seħħ proprju kif inħarġet l-aħbar u fis-sigħat ta wara. Kellna sitwazzjoni fuq il-midja soċjali b’kummenti mill-aktar iebsa. Kummenti, li kienu qegħdin jinjoraw għal kollox il-preżunzjoni tal-innoċenza tal-akkużat.

Kellna sitwazzjoni u din ġrat drabi oħra fejn, dan ġie kkundannat fuq is-siti soċjali qabel bdew il-proċeduri fil-qrati tagħna. Mhux ġie kkundannat biss, imma s-siti soċjali kienu mifqugħin b’kummenti ta’ mibegħda. Li ma juru ebda rispett. Jinjoraw id-dinjità  bla mistħija ta’ xejn.  Assistejna għal sigħat ta’ velenu kontinwu. Assistejna għal kummenti minn ilsna ħżiena li saru insapportabbli. Li jqallgħuk. Immaġinaw il-martirju li ħolqu dawn il-kummenti fuq dawk qrib tiegħu.

Fr Luke Seguna hu uman ukoll. Fr Luke Seguna għandu familjari u qraba. Għaliex intużat din il-mibegħda? Għaliex dawn il-kummenti meta dan għadu preżunt innoċenti, għax hi l-Qorti  biss li tiddeċiedi jekk hemm jew mhemmx ħtija.  Konxji ta’ xi ħsara kbira għamlu dawk il-kummenti, li jibqgħu stampati fuq il-midja soċjali? Konxji ta’ x’effett seta’ kellhom fuq familjari u ħbieb tiegħu? 

U dan il-ġudizzju sar mingħajr ma dawk li esprimew il-ġudizzju għandhom provi jew informazzjoni f’idejhom, għax sa issa għadhom ma tressqu l-ebda xhieda fil-Qorti. Kieku intom li ktibtu dik il-mibegħda kontu flok il-familjari ta’ Fr Seguna, kif kontu tħossukom b’tali kummenti prematuri u ta’ mibegħda u meta m’hemm ebda deċiżjoni mill-Qorti. Meta se nitgħallmu inqisu kliemna f’każi bħal dawn?  Meta se nitgħallmu li min ikun qed jitressaq il-Qorti ikun għadu preżunt innoċenti?

Ma’ dan kellna l-każ fejn sezzjoni tal-midja iddeċidiet li tippubblika ritratt tal-istess persuna ħierġa fuq stretcher mill-Qorti. Sfortunatament ftit jiem ilu rajna sitwazzjoni tixbaħha bix-xandir ta’ filmat ta’ persuna li qalgħet daqqiet ta’ sikkina, saħasitra bil-ġurnalist jikkummenta waqt li fl-isfond jidhru infermieri jippruvaw isalvaw ħajjet ta’ persuna.

Quddiem il-pubblikazzjoni ta’ ritratt tal-persuna fuq stretcher ħierġa mill-Qorti ma nistgħux ma nistaqsux fejn hi l-etika? Possibbli waqajna daqstant fil-baxx li nperrċu ritratti ta’ persuna f’mumenti vulnerabbli? Nemmnu li s-serjetà titlob li dan ma jsirx. Hu min hu l-akkużat, għamel x’għamel, ir-rispett lejn id-dinjità tiegħu għandha tinżamm. 

Sfortunatament qegħdin naraw li r-rispett lejn il-valur tad-dinjità umana qed jittiekel dejjem iżjed. Sfortunatament anki fil-ġurnaliżmu din ix-xejra daħlet sew.  Qed naraw każi fejn donnu r-rispett ma jeżistix. Ma jingħatax każ ta’ kunsiderazzjonijiet umanitarji. Ma jarax dak li jkun x’jista’ joħloq jekk jitperrċu dettalji personali ta’ individwu, b’mod partikolari jekk dik il-persuna tkun għaddejja minn mument diffiċli.

M’għandna l-ebda dubju, li jekk il-ġurnaliżmu ma jkollux ruħ, dak ma jibqax ġurnaliżmu. Il-ġurnaliżmu qiegħed hemm biex wieħed jgħin lin-nies, biex jinforma, biex jeduka, biex iżomm in-nies kontabbli u jiġbed l-attenzjoni fejn sar ħażin. 

Lil hinn minn dan, nemmnu li Fr Luke ma marx b’kumbinazzjoni liebes is-suttana il-Qorti. Nemmnu li b’dan Fr Luke irid iwassal messaġġ.  Dik hi l-libsa li kien jilbes meta kien ikun qalb ix-Xlukkajri u meta  kien iservi lill-oħrajn fl-istess parroċċa.

Ekonomija

Sport