Thursday, November 14, 2024

Fr Martin Micallef jgħid li l-Covid-19 laqtet ħażin lilhom ukoll; jiddeskrivi l-ksur f’siequ “blessing in disguise”

Aqra wkoll

Id-Dar tal-Providenza f’qagħda finanzjarja ħażina

“Waqt li s-soltu nispiċċaw is-sena ‘break even’ jew bi żbilanċ żgħir, din is-sena l-iżbilanċ tad-Dar tal-Providenza mistenni jkun akbar għax anke lilna laqtitna l-Covid-19”.

Hekk sostna d-Direttur tad-Dar tal-Providenza Fr Martin Micallef f’kumment lil dan il-ġurnal fl-isfond ta’ żewġ sfidi li qed jiffaċċjaw it-tnejn li huma, kemm il-qagħda finanzjarja kif ukoll dik ta’ saħħtu.

Nhar it-Tnejn li ġej Fr Micallef, li ilu minn Ottubru 2008 imexxi d-Dar, se jibda jieħu l-kura wara li nstab li għandu kanċer għalkemm fuq nota pożittiva t-tobba nfurmawh li t-tip li qed jiffaċċja jitfejjaq.

Huwa ma kienx jaf bis-sitwazzjoni tiegħu hekk kif daħal l-isptar mhux għax ħass xi ħaġa imma għax kiser siequ u kien proprju waqt it-testijiet ta’ qabel li rriżulta x’għandu.

Fl-istess nifs Fr Micallef, li għandu 52 sena, jiddeskrivi l-mod li bih skopra x’għandu bħala “blessing in disguise” anke jekk jammetti li l-aħbar kienet ta’ xokk għalih.

Minkejja s-sitwazzjoni personali jidher ċar li f’moħħ Fr Micallef hemm id-Dar tal-Providenza anke jekk għas-sitt xhur li ġejjin se jkollu jiffoka fuq saħħtu u kien kostrett iħalli t-tmexxija għall-kumplament tal-membri l-oħra tal-bord fosthom Jesmond Saliba.

Fr Micallef qalilna li minbarra l-isfidi tas-soltu din is-sena d-Dar qed tiffaċċja dik tal-Covid19 li laqtitilhom id-dħul għax ħafna attivitajiet ippjanati għal din is-sena kellhom jitħassru.

Fost dawn huwa semmilna l-maratona tal-volleyball, kunċert mill-banda tal-Pulizija, mixja madwar Malta u ‘bike ride’ li minnhom id-Dar kienet qed tippjana li ddaħħal ammont ta’ flus biex jgħinuha tkampa mal-ispejjeż.

“Il-Covid19 kienet tfisser ukoll li nies li soltu jorganizzaw ‘receptions’ għall-anniversarju jew il-‘birthday’ u fihom kienu jiġbru flus għad-Dar issa ma setgħux jagħmluhom”.

Anke persuni li soltu kienu jiġu jagħti d-donazzjonijiet fil-kumpless tas-Siġġiewi naqsu minħabba r-restrizzjonijiet waqt li anke l-uffiċċju fil-Belt minn fejn jirċievu l-flus kellu jingħalaq.

Fr Micallef żied li l-fatt li ħafna nies spiċċaw f’qagħda finanzjarja ħażina minħabba l-pandemija wasslu biex iħoss li ma setax imur fuqhom u jitlobhom il-flus anke jekk il-bżonn huwa kbir.

Minbarra n-nuqqas ta’ dħul, id-Dar kellha tiffaċċja żieda fl-ispejjeż hekk kif il-miżuri biex jitħarsu saħħet ir-residenti u anke l-impjegati wasslu biex kellhom jinxtraw termometri, maskri u ‘sanitizers’ waqt li l-ħaddiema li soltu jużaw it-trasport pubbliku ġew provduti bi trasport.

Fl-istess waqt Fr Micallef esprima l-apprezzament tiegħu għal dawk li tawhom l-għajnuna fosthom kumpaniji u anke individwi li għenu f’xogħlijiet fis-sitt idjar li għandha d-Dar minbarra l-binja fis-Siġġiewi.

Id-Direttur tad-Dar tal-Providenza semmilna wkoll kif huma applikaw għal-benefiċċji li qed joffri l-Gvern, fosthom dawk għall-NGOs, u irrimarka li qed jistennew li jingħataw din l-għajnuna biex tgħinhom jiffaċċjaw l-qagħda finanzjarja li jinsabu fiha.

Id-Dar tal-Providenza, li għandha bżonn mal-€5 miljun fis-sena biex topera, nediet ukoll is-sit elettroniku, www.sabiħlitagħti.org, biex min irid jgħinhom jagħti d-donazzjoni minn fuqu.

Mill-€5 miljun huwa ikkalkula li €3 miljun imorru għall-madwar 200 impjegat professjonali li jieħdu ħsieb il-115-il resident li hemm jgħixu s-Siġġiewi 24 siegħa kuljum.

Ekonomija

Sport