Thursday, December 26, 2024

Frak imwaħħal

Aqra wkoll

Hemm frak li jtir u jispiċċa mar-riħ imma hemm frak li jibqa’ hemm u wara żmien jeħel ma fejn ikun. U l-istess fil-ħajja tagħna hawn frak li ser jibqa’ għal tul ta’ żmien twil.

Il-qtil

Il-qtil li sar tliet snin ilu hu wieħed minnhom. Minkejja li sar progress, u hemm indikazzjonijiet ta’ min kien wara dan il-qtil, dan xorta ser jibqa’ magħna għal żmien mhux ħażin.  Ir-raġuni hi li hemm min għandu interess politiku li jġebbdu.  Ma tantx trid tkun xi għaref li tinduna li dawn l-affarijiet ser jibqgħu magħna sal-elezzjoni li jmiss, ġejja meta ġejja.  Jekk tkomplix wara jiddependi min jirbaħ l-elezzjoni.  Jekk jirbaħ il-Labour, ser tibqa’ titwal.  Jekk jirbaħ il-PN, ma ddumx ma titlef l-importanza tagħha u jiġri bħal ma kien sar fil-qtil ta’ Raymond Caruana – jintesa kollox minkejja li dan kien raġel tagħhom stess.

L-argument li dan jitwal hu li rridu insiru nafu kull dettall għalkemm s’issa ħafna milli ntqal ma tantx kien ibbażat fuq fatti imma kliem.  Biss kulħadd jaf x’inhi r-raġuni. Bħal ma għidt, ir-raġuni hi waħda politika.  

Tħammeġ mingħajr ma titħammeġ 

Din illum saret drawwa.  L-avukati huma esperti.  Riċentament kont qed nara politiku li kien qed jallega xi ħaġa kontra sieħbu.  Interessanti kif filwaqt li kien qed jallega xi ħaġa kontra sieħbu, fl-istess nifs qal li hu mhux qed jgħid hekk.  Sitwazzjoni sabiħa, għaliex filwaqt li qed idaħħal f’moħħ in-nies affarijiet biex tħammeġ lill-ieħor, qed jieħu passi biex jikkastra lill-ieħor peress li ma jkunx jista’ jieħu l-ebda passi kontrih.  Sistema sabiħa biex tħammeġ lil dak li jkun mingħajr ma titħammeġ.  

Is-Saltna tad-Dritt

Din suppost li hi xi ħaġa li tiddefendi lil kulħadd.  Biss kif qed tithaddem qlibna kollox ta’ taħt fuq għaliex illum minflok qed tagħti dittijiet lill-innoċenti, qed tipproteġi lil min iħammeġ.  Suppost is-sistema hi li jekk jien qed nakkuża lil xi ħadd b’xi nuqqas, ir-responsabbilta’ hi tiegħi li nġib provi ta’ dak li qed ngħid.  Il-proċedura, għalkemm bil-kliem baqgħet l-istess, fir-realta’ nbidlet għaliex, illum, hu min qed jiġi akkużat li jrid jipprova li hu innoċenti.  Ir-riżultat hu li kif qed napplikaw is-saltna tad-dritt, qed inħarsu l-interessi ta’ min iħammeġ lil ħaddieħor u qed inkomplu ngħakksu lill-innoċenti.  Realta’ qarsa li hemm ħafna min għandu interess li ma nitkellmux il-verita’  kif inhi.  

Mibegħda

Mill-2016 f’Malta reġgħet daħlet il-mibegħda fil-politika Maltija, xi ħaġa li konna ħlisna minnha.  Daħlet għaliex is-suċċess ta’ Joseph Muscat tant kien kbir li min kien kontrih, biex jaħbi il-falliment tiegħu, mhux biss akkużah b’affarijiet li qatt ma nġibet l-iċken prova tagħhom, imma daħħal il-mibegħda bil-lingwaġġ li uża.  Mibegħda li għadha ddur sal-lum.  Dan narawh minn dawk li suppost huma ġurnalisti.  Ġurnalist suppost li qabel ma jippubblika xi ħaġa jkun żgur li din hi vera.  Biex isir dan, il-ġurnalist irid jippressa lil min qed jagħmel l-akkuża biex jurih il-provi.  Meta ma jsirx dan, il-ġurnalist kull ma jsir hu mezz ieħor biex imexxi l-fake news. Fil-fatt għadek tisma’ ħafna ġurnalisti li għadhom mhux kuntenti li, per eżempju, ħammġu l-isem ta’ Joseph Muscat mad-dinja kollha, iżda għadhom sal-lum jippressaw biex lil din il-persuna titfarrak minn wiċċ id-dinja.

Dan mhux biss qed jiġri fil-ġurnali, iżda anki fil-qorti, fejn kulħadd qed imur hemm u jakkuża lil dak u lil ieħor biss ħadd ma jwaqqfu u jgħidlu biex iġib il-provi ta’ dak li qed isemmi.

Il-qrati

Ħaġa oħra li tiskantani hi kif minkejja l-akkuża tkun serja, ġeneralment peress li persuna tkun għadha qatt ma nstabet ħatja ta’ xi reat, jekk jinstab ħati jingħata sentenza sospiża.  Biss dan jiġri biss skont il-kulur tal-ġilda.  Dan tarah meta xi ħadd ta’ ġilda skura, jinstab ħati fuq per eżempju, xi protesta.  Is-sentenza tiegħu tkun ħabs.  Biss jekk xi Ewropew jikkorrompi lil xi ħadd żgħir fl-eta’, dan jingħata sentenza sospiża jekk qatt ma jkun instab ħati.  Inħalli f’idejn il-qarrej biex jiddeċiedi liema akkuża hi l-aktar serja – tikkorrompi lil xi ħadd żgħir fl-eta’ jew protesta aggressiva.

L-immigranti

Kif qed nirreferi għalihom, ħafna ħadu r-ruħ meta l-President tal-UE din il-ġimgħa ħarġet issemmi li l-UE ser issolvi din il-problema u ma tħallix pajjiżi bħal Malta jġorru il-piż waħedhom.  Imma lanqas laħqet spiċċat mid-diskors tagħha li l-Awstrija ma ħarġitx tgħid li hi mhux ser taqsam dan il-piż.  Sinjal ċar li bejn il-kliem u l-fatti hemm baħar jikkumbatti.  

Ekonomija

Sport