‘Frak mill-Istorja – Ħarsa minn taħt’ ta’ Evarist Bartolo se jiġi mniedi uffiċjalment f’Għawdex fil-Banca Giuratale it-Tokk nhar il-Ġimgħa 12 ta’ Diċembru fis-6pm hekk kif il-ktieb qanqal interess kbir fost il-Għawdxin li jixtiequ jitgħallmu aktar dwar il-gżira tagħhom u l-poplu tagħha.
L-istoriku Għawdxi Michael Refalo se jkun il-kelliem mistieden u Evarist Bartolo se jaqra siltiet minn episodji storiċi dwar Għawdex.
Laqgħa ma’ Vitor tal-Qanfuda, il-bennej prim li f’Chambray bena l-ewwel kwartieri għat-truppi Ingliżi f’Malta. Isabetta Caruana, il-mara Għawdxija li fis-seklu 16 ġiet akkużata li kienet saħħara u li għallmet duttrina Kattolika falza; dokumenti li juru li l-Għawdxin kienu l-ewwel li qamu kontra Gonsalvo Monroy; suġġeriment snin twal ilu li Għawdex għandu jkun bħal Tobago…
Dan kollu u aktar se jkun diskuss f’Għawdex waqt li d-dilettanti tal-istorja Għawdxija jiltaqgħu personalment ma’ Evarist Bartolo u jiffirmalhom kopja tal-ktieb.


