Friday, April 19, 2024

Frak

Aqra wkoll

Minn Benny Borg Bonello

Illum ser nikkummenta fuq numru ta’ affarijiet li laqtuni mingħajr ma nidħol f’ħafna dettalji.  

ITS

Tħabbar li l-Istitut tal-Istudji Turistiċi ser jerġa’ jiftaħ.  Pass pożittiv għaliex hu importanti li nkomplu nsaħħu dak li hu tajjeb għal ħajjietna.  U l-edukazzjoni hi waħda mill-aktar fatturi importanti.  Ser jiftaħ, biss ser jittieħdu l-passi kollha biex kulħadd ikun protett.

L-ITS dan l-aħħar snin għamel kambjamenti kbar u importanti.  Ftit snin ilu, kien ħareġ rapport mill-Awtorita’ li tieħu ħsieb l-istandards fl-edukazzjoni dwar dan l-Istitut.  Ir-rapport ma kienx wieħed sabiħ. 

Biss dan l-aħħar snin mhux talli l-ITS tjieb u għamel qabża mil-lejl għan-nhar, iżda wkoll kabbar il-korsijiet li kien joffri.  Kabbar ukoll il-kuntatti li kellu ma’ istituzzjonijiet ta’ pajjiżi oħra f’dan il-qasam.  Huma dawn l-affarijiet li qed iwassluna ngħixu f’realta’ ġdida li hi l-bażi tal-ħajja ta’ għada.

Konsumaturi

Ma tantx nista’ ngħid l-istess għal dan il-qasam.  Dan l-aħħar qed ikollna ħafna lmenti dwar prodotti tad-dar.  L-akbar diżappunt għan-nies hu hemm ħafna każi ta’ prodotti li ftit jiem li jkunu inxtraw jispiċċaw bil-ħsara.  Ġenerlment il-ħsara tkun tant kbira li jkun jaqbillek tixtri ieħor.  L-akbar problema hi l-garanzija.  Kull negozju jgħidlek, għandek sentejn, tliet snin…. garanzija.  Ħafna drabi kollox bil-kliem.  Meta tinqala’ problema, issib jew li ma takx garanzija bil-miktub jew il-garanzija ma tiswa xejn għax issib li l-maġġoranza tal-affarijiet li jagħmlu l-oġġett mhux iggarantiti.  Dan barra ċerti skużi li ma jagħmlux sens.  Per eżempju, imurlek il-cross  tal-washing machine.  Jgħidulek, li mhux taħt il-garanzija peress li din marret bis-sapun li użajt biex taħsel il-ħwejjeġ.  Qiesu biex taħsel il-ħwejjeġ mhux sapun trid tuża!

Dan barra it-termini inġusti li ssib.  Per eżempju, tħallas 120 euro biex tibbukja għal kunċert biex tmur tara l-Elvis.  Issib li kundizzjoni minnhom tgħidlek li s-seat tiegħek jista’ jinbidel u fuq kollox tista’ ssib lil Freddie Mercury minflok lil Elvis. Semmejt dawn it-tnejn għax ma tista’ tara l-ħadd minnhom għax it-tnejn mejta.

Bħalissa wkoll hemm ħafna problemi minħabba posponimenti ta’ tiġijiet minħabba r-restrizzjonijiet ġodda kif għandhom jitqassmu l-mistiednin.  Hemm uħud minn dawk li jikru s-swali li qed jaraw kif jagħmlu biex litteralment jisolħu lil dawn il-klijenti.  Biss l-akbar problemi ssib li huma mal-fotografi u tal-fjuri.

L-istorbju

Malta hu pajjiż storbjuż ħafna. Minn dejjem hekk kien.  Niftakar fis-sittinijiet meta kien hawn ħafna residenti Ingliżi f’Malta u kienu waqqfu soċjeta’ NA Society.  Ma nafx li kien hemm Malti fiha.  Xi snin ilu kien hemm ġurnalista li reġgħet ippruvat twaqqaf għaqda biex inaqqsu l-istorbju.  Kollox għalxejn. 

Mhux talli aħna poplu li anki biex nitkellmu rridu ngħajtu, iżda nivvintaw l-affarijiet biex inkomplu nżidu l-istorbju.  Hawn min ma nafx kemm jonfoqlok flus biex il-karozza tiegħu tinstema’ minn tliet kantunieri ‘l bogħod.  Il-muturi huma sors ieħor ta’ storbju.  Għalkemm illum qbajt skantat.  Rajt grupp ta’ muturi qed isuqu flimkien.  Kienu ‘l fuq minn tletin.  Biss l-ammont ta’ ħsejjes li għamlu kien ħafna anqas minn tal-karozzi normali.  Veru ħaqqhom prosit.

Tiskanta kif imbagħad l-Għawdxin huma ħafna anqas storbjużi minna.

Tal-ħut u tal-ħaxix

Kien hemm artiklu fejn tal-ħut bdew igergru li mhux sew li tal-ħaxix qed ibigħu il-ħut.  Dan juri li għadna ma fhimniex xi jfisser suq ħieles – xi ħaġa li hi parti integrali mill-Unjoni Ewropea.  Suq ħieles ifisser li kulħadd jista’ jbiegħ dak li jrid basta jżomm mar-regolamenti bħal per eżempju, li jekk xi ħadd ibigħ il-ħut irid jara li dawn ikunu miżmuma friski bis-silġ u li jkollhom prezz – affarijiet li lanqas tal-ħut stess ma jagħmluhom! 

Li kulħadd ibigħ dak li jaħseb ser jinbiegħ hi l-parti tajba tas-suq ħieles. Dan għaliex joħloq kompetizzjoni – xi ħaġa li diffiċli tara Malta peress li aħna żgħar. 

Min-naħa l-oħra, lanqas il-konsumaturi għadhom ma jistgħu jifhmuh is-suq.  Dan għaliex nirċievu ħafna telefonati dwar il-prezzijiet ta’ xi wħud.  Fis-suq ħieles kulħadd jista’ jbigħ oġġett kemm irid sakemm ma jkunx dominanti.  Dawn ġeneralment ikunu kumpaniji kbar bħal Benna. 

Il-Benna ….. bilħaqq aktar minn sena ilu dawn kienu għollew il-prezzijiet mhux ħażin u l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni qal li beda invetigazzjoni.  Biss sal-lum għadna ma smajna xejn u ma nafx meta ser naraw ir-rapport!

L-insib

Ġie propost li għandna nerġgħu ndaħħlu l-insib.  Għalfejn?…. biex nagħmlu r-riċerka!  Mela, issa nistenna li dawk li ser ikollhom permess li jonsbu, ser ikollhom jagħattenu u għaddu minn xi kors.  Dan għaliex anki l-istudenti tal-Universita’ jkollhom jattendu kors qabel ma jibdew ir-riċerka tagħhom. Jew qed jużaw il-kelma riċerka biex jgħadduna minn għajn il-labra?

 L-immigranti

Jien nemmen  li l-immigranti li diġa’ qegħdin Malta għandna nistmawhom tajjeb.  Għalija hu żball kbir li, li lil dawk li għandhom dritt li jibqgħu Malta, qatt ma ppruvajna nintegrawhom fis-soċjeta’ tagħna.  Hu għalhekk li llum għandna ghettos tagħhom.  Ma naqbilx li xi wħud minnhom huma maqfula.  Lanqas nemmen li jekk jiżbaljaw il-kastig li jieħdu jkun aktar iebes minn ta’ ħaddieħor bħal ma qed jiġri llum. 

Għalija kien ikun aħjar li minflok ftaħna aktar bibien għall-barranin oħra, tajnihom taħriġ u użajna dawn l-immigranti biex jagħmlu x-xogħol li għandna bżonn.  Kienet tkun xi ħaġa diffiċli li minflok komplejna nġibu barranin bħala xufiera fit-trasport pubbliku, konna nużaw lilhom?  Kienet tkun xi ħaġa diffiċli li kieku tajnihom taħriġ biex nużawhom fis-settur tas-Saħħa? 

Min-naħa l-oħra, ma naqbilx li Malta għandha tkun port ħieles għal aktar immigranti.  Hu għalhekk li nemmen li rridu nkunu aktar iebsa mal-UE, li dejjem tikkritikana għaliex m’aħniex qed inħallu l-portijiet tagħna miftuħa għal aktar immigranti. 

Fuq din nemmen li rridu nkunu aktar iebsa mal-UE u nuruhom li aħna m’aħniex kolonja tagħhom u nagħmlu dak li jridu u jogħġobhom bina.  Per eżempju, bħalissa fl-Ewropa reġgħu qed ikunu inkwetati bil-Belarus u r-Russja.  Pajjiżi li lilna ma jolqtuniex iżda li jolqtu lill-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali.  Huma dawn il-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali li dejjem irreżistew li jaqsmu magħna l-problemi tal-immigrazzjoni.  Għalija la dawn il-pajjiżi ma jridux juru solidarjeta’ magħna b’din il-probema, aħna għandna nagħmlu l-istess u nuru li m’aħniex lesti li nieħdu azzjonijiet għall-vantaġġ tagħhom meta huma ma jridux jgħinu lilna.

Sport