Saturday, November 23, 2024

“Francesca tgħallimna l-imħabba u d-determinazzjoni kull ġurnata”

Aqra wkoll

Jgħidu dan il-ġenituri taċ-ċkejkna bid-Down Syndrome li qed tisraq il-qlub anke barra minn Malta

Francesca Rausi, iċ-ċkejkna minn Malta li għandha erba’ snin, żgur li mhix wiċċ ġdid hekk kif rajniha diversi drabi tieħu sehem f’xi kompetizzjoni tal-immudellar tant li ftit tal-ġimgħat ilu ġiet fl-ewwel post fil-konkors Mini Ms Summer 2020 li kien organizzat minn Ivan Gaffiero. Din iċ-ċkejkna qed tisraq il-qlub ta’ bosta nies, kemm fl-isfera lokali kif ukoll internazzjonali hekk kif bosta kmamar tal-aħbarijiet ippubblikaw l-istorja tagħha. Dan il-fatt jgħin b’mod speċjali biex ikun hawn aktar għarfien dwar l-abiltajiet sbieħ li għandhom persuni bħalha.

Din id-darba, l-organizzazzjoni internazzjonali bl-isem ta’ ‘Wouldn’t Change a Thing’, li fil-bidu tas-sena kienu ħabru li għażlu liċ-ċkejkna bħala l-ambaxxatrici għas-sena 2020, ippubblikaw parti mill-istorja ta’ Francesca. Din l-organizzazzjoni taqsam diversi esperjenzi ta’ persuni b’diżabilità u tixtieq toħloq dinja fejn il-perċezzjoni negattiva tad-Down syndrome ssir xi ħaġa tal-passat. 

Il-ġenituri ta’ Francesca, Michelle u Roderick, qalu li t-tifla tagħhom tillumina l-ħajja ta’ kulħadd u tgħallimhom l-imħabba u d-determinazzjoni kull ġurnata. 

Huma saru jafu li Francesca kellha d-Down syndrome mindu twieldet u stqarru li għal bidu kienu ftit ixxukjati bl-aħbar għax ftit li xejn kellhom informazzjoni dwar dan. Fortunatament huma qalu li t-tabib li għen lil Michelle biex twelled kellu tifla bid-Down syndrome u dak il-fatt kien ta’ għajnuna kbira. Francesca ma kellix kundizzjonijiet mediċi u peress li ma kienx hemm kumplikazzjonijiet, setgħu jibdew bl-għajnuna immedjatament.

Francesca bdiet l-iskola flimkien ma’ tfal oħra meta kellha sentejn u tmur tajjeb ħafna. Fil-fatt hija tagħmel dak li t-tfal l-oħra jagħmlu u kemm l-istudenti l-oħra kif ukoll l-għalliema tassew iħobbuha u jammiraw l-abiltajiet u d-determinazzjoni tagħha.

Ommha qalet li l-fatt li jkollok tifel jew tifla bid-Down syndrome huwa vjaġġ sabiħ. Hija appellat biex jiġri x’jiġri, wieħed għandu jgħix il-mument filwaqt li temmet tgħid li kull mument ma’ Francesca huwa wieħed prezzjuż.

Sport