Hekk kif kompliet tinstema l-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Francine Farrugia, eks Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista u anke maniġer fid-dipartiment tal-accounts fl-MCAST, ħareġ li hija kellha kontijiet ma’ erba’ banek f’Malta.
Farrugia tinsab mixlija b’ħasil ta’ flus u frodi, fost oħrajn.
Fost l-ewwel xhieda fis-seduta tal-lum kien hemm rappreżentata ta’ APS Bank. Hija xehdet li Francine kellha diversi kontijiet bankarji, erbgħa minnhom li kienu magħluqa.
Wara kien imiss lill-Ispettur Daniella Camilleri biex tagħti x-xhieda tagħha. Spjegat li fis-6 ta’ Awwissu ta’ din is-sena kienet imsejħa biex tarresta lill-imputata u anke tagħmel tfittxija fuqha u fir-residenzi li kellha.
Spjegat li meta daħlet f’diversi residenzi li kellha nstabu diversi basktijiet, ħwejjeġ u ġojjellerija.
Xhud ieħor kien l-Ispettur Joseph Camilleri fejn qal li hu għamel tfittxija fir-residenzi tagħha wkoll fejn ikkonferma li nstabu diversi affarijiet lussużi, u kif kien elevat apparat mill-kompjuter u iPhone 16 Pro Max, kaxxi mimlijin ġojjellerija u anki l-kompjuters li kienet tuża għax-xogħol fl-MCAST.
Intant fix-xhieda li taw uffiċjali tal-banek ħareġ li l-akkużata kellha biżibilju ta’ kontijiet mal-APS, Bank of Valletta, HSBC u Medirect, uħud minnhom għadhom miftuħa u attivi sal-lum.
Il-każ ġie diferit għas-26 ta’ Novembru.