Wednesday, November 26, 2025

Francine Farrugia qatt ma ħallset it-taxxi u bolol tal-ħaddiema tal-ħanut tagħha

Aqra wkoll

Hekk kif fil-Qorti kompliet tinstema l-kumpilazzjoni fil-konfront tal-eks Kunsilliera Nazzjonalista Francine Farrugia b’rabta ma’ frodi ta’ €2.3 miljun minn fondi pubbliċi, waqt li kienet impjegata tal-MCAST, intqal li waqt li hija kienet tgħix ħajja ta’ lussu, fl-istess waqt ma kinitx qed tħallas il-bolol u t-taxxi tal-impjegati tagħha li kienu jaħdmu fil-ħanut ‘Mafkar Gift Box’ fis-Siġġiewi.

 Quddiem il-Qorti, l-Avukat Helga Buttigieg Debono li ġiet maħtura mill-Qorti biex tamministra l-istationery, li kien iservi wkoll bħala fergħa tal-Posta qalet li kien hemm taħwid kbir fl-amministrazzjoni ta’ dan in-negozju.

Fix-xhieda tagħha, l-Avukat  Buttigieg Debono qalet li kienet qiegħda tirriżenja minn din il-kariga appuntata mill-Qorti u ma riditx ħlas tax-xogħol li laħqet għamlet. Dan hekk kif sabet taħwid enormi u ma sabet l-ebda koperazzjoni minn Farrugia.

Minn dak li ġie stabbilit fil-Qorti fuq il-ħanut tal-imputata kien hemm erba’ impjegati rreġistrati, ammont meqjus eċċessiv għad-daqs tal-ħanut, u l-amministratriċi mqabbda mill-Qorti qalet lil Farrugia biex jaraw min kellu jieqaf minnhom. Minflok din iddeċidiet li tkeċċi tnejn minnhom minn jeddha.

Kien hawn li l-Avukata qalet li Farrugia qatt ma kienet ħallset it-taxxi l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tal-istess impjegati. Minn dakinhar li sar magħruf li qatt ma għamlet dawn il-ħlasijiet, Farrugia waqfet tikkomunika mal-uffiċjal tal-Qorti, anke jekk suppost kellhom jiltaqgħu darba fil-ġimgħa.

Mix-xiehda ta’ Buttigieg Debono ħareġ ukoll li, fil-kont bankarju tal-ħanut, kien hemm żieda mhux spjegata ta’ madwar €7,000.

L-Avukat Buttigieg Debono qalet li ġiet informata li Farrugia kellha djun mal-MaltaPost ta’ iżjed minn €45,000 u ffaċċjat lill-akkużata dwar dan qaltilha li kellha €25,000 merfugħin f’safe li l-Pulizija ma kinux jafu bih.

Fi tmiem is-seduta tal-Erbgħa, il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Lara Lanfranco, ordnat lill-Pulizija jieħdu nota tad-dokumenti ppreżentati biex ukoll tiġi investigata l-allegat ksur tal-ordni tal-iffriżar tal-assi, waqt li appuntat amministratur ġdid.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport