“Adrian Delia la rriżenja minn Kap tal-Oppożizzjoni u lanqas minn Kap tal-Partit, bil-Partit Nazzjonalista, mifni bi ġlied intern, maqsum min-nofs. Għandu President tar-Repubblika jinterferixxi fi kwistjonijiet interni ta’ partit politiku f’tali sitwazzjoni?”
Hekk ikkummenta l-eks-Deputat Nazzjonalista, l-Avukat Franco Debono, dwar il-mistoqsija li tinsab fuq fomm kulħadd dwar x’deċiżjoni se jkun qed jieħu l-President George Vella abbażi tal-poteri mogħtijin lilu mill-Kostituzzjoni.
Debono saħaq li l-Kostituzzjoni tisħaq li l-President m’għandu bl-ebda mod jinterferixxi fi kwistjonijiet interni ta’ partit, speċjalment jekk tali ċirkostanzi jkunu l-unika mezz fejn kwistjoni marbuta mat-tmexxija tal-partit jistgħu effettivament jitqajmu u jiġu ttestjati b’mod demokratiku.
Debono żied jgħid li artiklu 90, subartiklu 4 tal-Kostituzzjoni jagħti l-poter lill-President biex ineħħi lill-Kap tal-Oppożizzjoni mir-rwol tiegħu ladarba fil-ġudizzju tiegħu ma jkunx qed igawdi l-appoġġ tal-maġġoranza tal-membri parlamentari tiegħu, u jaħtar minfloku persuna li tkun tgawdi minn tali appoġġ. Saħaq li għaldaqstant fit-teorija l-Kostituzzjoni tagħti l-poteri lill-President biex ineħħi lil Adrian Delia minn Kap tal-Oppożizzjoni u jaħtar lill-persuna nominata mid-deputati ribelli Nazzjonalisti, f’dan il-każ Therese Comodini Cachia.
Fl-istess waqt Debono saħaq li filwaqt li l-Kostituzzjoni titlob lill-President biex jappunta bħala Prim Ministru dak il-Membru Parlamentari li jkun igawdu l-maġġoranza tal-appoġġ fil-Parlament, u ma ssemmix mexxejja ta’ partiti, b’kuntrast għal dan fir-rigward tal-Kap tal-Oppożizzjoni l-Kostituzzjoni speċifikament tagħmel referenza għall-mexxej tal-akbar partit fl-Oppożizzjoni.
Tenna li għaldaqstant filwaqt li l-Kostituzzjoni ma teskludix lill-President milli jneħħi lil Delia minn Kap tal-Oppożizzjoni u jaħtar lil ħaddieħor minfloku, minħabba li d-deċiżjoni dwar il-leġittimità tal-Kap tal-Oppożizzjoni tista’ tiġi ttestjata fi ħdan struttura demokratika ta’ partit, l-istess Kostituzzjoni titlob lill-President biex iżomm lura milli jinterferixxi fi kwistjonijiet interni ta’ partiti politiċi.
“It-test tal-prova se jkun il-punt ta’ kemm il-President se jkun qed jinterferixxi fi kwistjonijiet ta’ partit,” temm jisħaq Debono. “Interferenza sostanzjali minn dan il-lat twassal biex il-President joqgħod lura milli japplika artiklu 90 tal-Kostituzzjoni.”