Friday, December 13, 2024

Frank Lampard jinħatar coach ta’ Everton

Aqra wkoll

L-eks midfielder tal-Ingilterra, Frank Lam­pard, 43 sena, ġie maħtur manager ta’ Everton b’kuntratt ta’ sentejn u nofs.

Huwa se jieħu post Rafael Benitez, li tkeċċa aktar kmieni dan ix-xahar wara reb­ħa waħda fi 13-il logħba. Dan se jkun l-ewwel xogħol ta’ Lampard minn meta tkeċċa minn Chelsea sena ilu b’Thomas Tuchel jieħu r-rwol tiegħu.

“Huwa unur kbir għalija li nirrappreżenta u mmexxi club tal-kobor u tradizzjoni ta’ Everton,” qal Lampard. “Jien ħerqan ħafna biex nibda.”

L-ewwel logħba ta’ Lampard se tkun dik mir-raba’ round tal-FA Cup tas-Sibt li ġej kontra Brentford f’Goodison Park.

L-ewwel akkwist tiegħu kien mistenni jkun il-midfielder Olandiż ta’ Manchester United, Donny van de Beek, li se jingħaqad mat-Toffees b’self għall-kumplament tal-istaġun.

L-eks player ta’ Chelsea u Manchester City, Lampard, li lagħab 106 logħba għall-Ingilterra, għandu l-kompitu li jżomm lil Everton fl-ogħla livell hekk kif il-club jinsab fis-16-il post u erba’ punti biss fuq iż-żona tar-relegazzjoni.

“L-ewwel messaġġ tiegħi lill-players se jkun li rridu nagħmlu l-almu tagħna flim­kien. Nippruvaw nagħmlu xogħolna u naf li l-partitarji se jkunu hemm jappoġġawna,” tenna Lampard.

Lampard kien wieħed mit-tliet kandidati intervistati mit-Toffeemen ma’ Vitor Pereira u l-manager temporanju, Duncan Ferguson, għal dan l-irwol.

Ferguson, li kien assistent manager taħt Benitez, u l-coach tal-goalkeepers, Alan Kelly, se jibqgħu bħala parti mill-istaff ta’ Lampard.

Joe Edwards ingħaqad bħala assis­tent manager, b’Paul Clement bħala coach tal-ewwel team u Chris Jones bħala coach tal-ewwel team u kap tal-prestazzjoni.

Qabel ma ħa f’idejh lil Chelsea huwa kien ma’ Derby għal staġun fejn wassalhom għall-finali tal-play-off taċ-Championship iżda tilfu kontra Aston Villa.

Ekonomija

Sport