Friday, December 13, 2024

Franza bi pjan li tibni 14-il impjanti nukleari sas-sena 2050

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-President Macron irid jelimina t-tniġġiż tal-karbonju u jnaqqas l-ispejjeż tal-elettriku għaċ-ċittadini

Il-President Franċiż, Emmanuel Macron ħabbar proġett ambizzjuż li fih se jerġa’ jqajjem l-industrija nukleari Franċiża. Il-programm imħabbar huwa li jinbnew 14-il impjanti nukleari ġodda bil-mira li l-pajjiż ma jibqax jiddependi mill-fjuwil fossili u għaldaqstant Franza teħles mit-tniġġiż tal-karbonju sas-sena 2050.

“Dak li l-pajjiż għandu bżonn huwa li jerġa’ jagħti l-ħajja lill-industrija nukleari,” sostna Macron f’diskors li għamel fil-bejt industrijali ta’ Belfort. Il-President Franċiż, li mistenni jħabbar il-kampanja elettorali tiegħu dan ix-xahar għall-elezzjonijiet li jmiss fir-rebbiegħa, huwa konxju li d-dibattitu dwar l-enerġija huwa importanti minħabba li l-prezzijiet għall-konsumaturi qegħdin dejjem jogħlew. Barra minnhekk, il-votanti Franċiżi għandhom għal qalbhom il-ħarsien tal-ambjent.

L-enerġija atomika tipproduċi 70% tal-elettriku fi Franza. Din it-tip ta’ enerġija tiswa ftit flus u ilha parti importanti ħafna fl-ekonomija ta’ dan il-pajjiż mis-snin 70. Però, attentati riċenti biex jinbnew impjanti bl-aħħar teknoloġija biex jieħdu post l-antiki ġew posposti minħabba spejjeż u dewmien żejjed.

Għadd ta’ kandidati għall-elezzjoni li jmiss fi Franza jaqblu li l-impjanti nukleari għandhom jieħdu preċedenza ħalli jipprovdu l-maġġorparti tal-elettriku mal-pajjiż mentri politiċi tax-Xellug wissew li proġett bħal dan jiswa ħafna flus u huwa kumpless. Ambjentalisti min-naħa tagħhom huma mħassba dwar il-periklu ta’ skart radju attiv li jibqa’ tossiku għal eluf ta’ snin.

Macron sostna li r-regolaturi tal-impjanti nukleari Franċiżi huma l-aqwa fid-dinja fil-professjonalità tagħhom u insista li d-deċiżjoni li jibdew jibnu impjanti nukleari ġodda hija “l-għażla għall-progress u għażla li turi fiduċja fix-xjenza u t-teknoloġija”.

Ekonomija

Sport