Saturday, October 12, 2024

Franza fis-semi-finali b’rebħa fuq l-Ingilterra

Aqra wkoll

Ingilterra……1

Franza……….2

F’partita ferm emozzjonanti mill-bidu sat-tmiem, Franza għelbu l-isfida tal-Ingilterra bl-iskor ta’ 2-1, biex b’hekk kisbu l-passaġġ għas-semi-finali, fejn se jkunu qed jaffrontaw lill-Marokk.

Franza fetħu l-iskor fis-17-il minuta meta Antoine Griezmann għadda tajjeb lejn Aurelien Tchouameni li venven xutt mill-isbaħ minn distanza ta’ 25 metru li ma ta l-ebda ċans lill-goalkeeper tat-Three Lions, Jordan Pickford.

Fil-25 minuta, Dayot Upamecano waqqa’ lill-captain tal-Ingilterra Harry Kane f’tarf il-kaxxa, iżda r-referee Brażiljan Wilton Sampaio wara konsultazzjoni mal-VAR, ħalla l-logħob għaddej.

Fit-52 minuta, l-Ingliżi rebħu penalty meta l-awtur tal-ewwel goal Franċiż Aurelien  Tchouameni waqqa’ lil Bukayo Saka fil-kaxxa. Mill-11-il metru nkariga ruħu, Harry Kane, li ma żbaljax hekk kif permezz ta’ xutt b’saħħtu tefa’ l-ballun fir-rokna tax-xibka.

Franza wieġbu fis-77 minuta meta Olivier Giroud kellu xutt mill-ewwel li ħareġ l-aħjar ta’ Jordan Pickford li dawwar f’corner bi bravura, biex salva goal ċert.

Iżda l-istess player Olivier Giroud ma kellux ifalli ftit sekondi wara meta huwa kellu daqqa ta’ ras mill-viċin tintemm ġewwa, bil-ballun iżda jiġi devjat għal ġewwa minn Harry Maguire.

Il-partita kompliet tisbieħ u fit-82 minuta, l-Ingliżi rebħu t-tieni penalty fil-partita meta Theo Hernandez waqqa’ lil Mason Mount fil-kaxxa, bjr-referee Sampaio jordna l-penalty wara li kkonsulta mal-VAR. Iżda mill-11-il metro, inkariga ruħu Harry Kane li spara inkredibbilment għoli, fost il-ferħ tal-Franċiżi.

Ingilterra: Jordan Pickford, Kyle Walker, John Stones (Jack Grealish 98), Harry Maguire, Luke Shaw, Jordan Henderson (Mason Mount 79), Declan Rice, Jude Bellingham, Bukayo Saka (Raheem Sterling 79), Harry Kane, Phil Foden (Marcus Rashford 85) Coach: Gareth Southagte

Frazna; Hugo Lloris, Jules Kounde, Rapahel Varane, Dayot Upamecano, Theo Hernandez, Aurelien Tchouameni, Adrien Rabiot, Ousmane Dembele (Kingsley Coman 79), Antoine Griezmann, Kylian Mbappe, Olivier Giroud Coach: Didier Deschamps

Referee: Wilton Sampaio (Brażil)

Ammoniti: A. Griezmann, O. Dembele, T. Hernandez (F), H.Maguire (I)

Sport