Franza rebħu t-tieni edizzjoni tal-UEFA Nations League meta fil-finali għelbu lil Spanja bl-iskor ta’ 2-1 wara li kienu dawn tal-aħħar li marru fil-vantaġġ.
L-ewwel taqsima kienet ferm diżappuntanti minħabba li għajr iċ-ċans ta’ Karim Benzema għal Franza fil-bidu tal-partita, żvolġiet waħda monotna.
Minuta mill-ftuħ tat-tieni taqsima, Paul Pogba ħelisha milli jintwera l-karta l-ħamra għal foul ikrah fuq Sergio Busquets meta ġie ammonit biss.
Fl-64 minuta kienu Franza li laqtu l-lasta minn Theo Hernandez … iżda sekondi wara Spanja fetħu l-iskor permezz ta’ Mikel Oyarzabal wara kontrattakk veloċi.
Madankollu żewġ minuti wara, Franza kisbu d-draw meta Kylian Mbappe għadda lejn Karim Benzema li minn pożizzjoni ferm angolata minn tarf il-kaxxa, irnexxielu jixħet il-ballun fix-xibka.
Fit-80, Les Bleus skorjaw dak li kellu jkun il-goal tar-rebħa meta Antoine Griezmann, li kien qed jilgħab il-100 partita għal Franza, żmarka lil Kylian Mbappe li għadda l-ballun minn taħt il-goalkeeper avversarju, Unai Simon, għal ġox xibka.
Fil-ħin miżjud, Hugo Lloris ta’ Franza wettaq save kbir fuq Oyarzabal.
L-ITALJA FIT-TIELET POST
L-Italja temmew fit-tielet post meta għelbu lill-Belġju bl-iskor ta’ 2-1.
Wara taqsima mingħajr goals, minuta mill-ftuħ tat-tieni taqsima l-Azzurri fetħu l-iskor meta minn azzjoni ta’ corner, il-ballun wasal għand Nicoló Barella li b’volley xeħet il-ballun fir-rokna tax-xibka.
Fil-65 minuta, huma rduppjaw meta ngħataw penalty wara li Timothy Castagne kkommetta foul fuq Federico Chiesa … biex mill-11-il metru Domenico Berardi ma żbaljax.
Erba’ minuti mit-tmiem, il-Belġjani naqqsu l-marġni permezz ta’ Charles De Ketelaere.