Illum f’Al Bayt Stadium, tintlagħab it-tieni semi-finali tat-Tazza tad-Dinja bejn Franza u l-Marokk fejn l-Afrikani jimmiraw li jkomplu bil-vjaġġ maġiku tagħhom fit-tentattiv li jkomplu jiktbu l-istorja.
Min-naħa tagħhom, Franza għadhom biċ-ċans li jirbħu dan l-unur tant prestiġjuż għat-tieni darba konsekuttiva.
Il-Marokkini waslu sa dan l-istadju billi għelbu lill-Portugall bl-iskor ta’ 1-0 filwaqt li l-Franċiżi rebġu lill-Ingilterra bl-iskor ta’ 2-1.
Dan wara li kanunata ta’ Aurelien Tchouameni u daqqa ta’ ras Olivier Giroud qatgħu l-biljett tagħhom għall-Franċiżi mal-aħħar erbgħa … wara li Harry Kane kien kiseb id-draw momentarju għall-Ingilterra iżda mbagħad lejn it-tmiem falla penalty.
Fl-istorja tat-Tazza tad-Dinja, Les Bleus naqsu milli jirbħu xi waħda mill-ewwel tliet semi-finali tagħhom iżda minn dakinhar huma rebħu fl-aħħar tliet okkażjonijiet fl-1998, 2006 u 2018 … u għaddew 84 sena minn meta nazzjon Ewropew irnexxielu jasal sal-finali tat-Tazza tad-Dinja bħala champions renjanti … wara l-Italja fl-1934 u fl-1938.
Il-Marokk qed jgħixu ħolma li żgur li ħadd ma tahom iċ-ċans li jaslu mal-aħħar erbgħa.
Kontra l-Portugall huma kellhom jgħaddu mingħajr is-servizzi ta’ Nayef Aguerd u Noussair Mazraoui minħabba li kienu ma jifilħux.
Iżda huma xorta waħda kienu tajbin biżżejjed biex ħasdu lit-team ta’ Cristiano Ronaldo u wettqu sorpriża kbira …. bl-uniku goal jasal minn daqqa ta’ ras ta’ Youssef En-Nesyri li sar l-ewwel Marokkin li skorja tliet goals f’fażi finali tat-Tazza tad-Dinja.
Franza għandhom il-players kollha għad-dispożizzjoni tagħhom minkejja li Kylian Mbappe ma ħax sehem fl-aħħar sessjoni ta’ taħriġ bħala prekawzjoni minħabba fastidju muskolari.
Min-naħa tiegħu, Theo Hernandez irid joqgħod attent li ma jintweriex il-karta s-safra minħabba li jitlef il-finali jekk il-Franċiżi jirnexxielhom jikkwalifikaw.
Il-Marokkini għandhom lil Walid Cheddira sospiż wara li tkeċċa fir-rebħa fuq il-Portugall wara li ntwera żewġ karti sofor fi spazju ta’ tliet minuti.
Barra minn hekk, id-difensur u l-ispirazzjoni tagħhom, Romain Saiss, huwa dubjuż hekk kif fil-partita preċedenti kellu joħroġ ftit wara l-mistrieħ minħabba injury ħafifa fil-hamstring. Min-naħa ta’ Hakim Ziyech, mistenni li jibda minkejja li ma temmx il-partita minħabba uġiegħ muskolari.