Friday, May 30, 2025

Franza se tipprojbixxi t-tipjip fuq il-bajjiet, f’parks u ħdejn l-iskejjel

Aqra wkoll

Franza se tipprojbixxi t-tipjip fil-postijiet kollha fil-miftuħ li jistgħu jiġu frekwentati mit-tfal. Dan tħabbar minn Catherine Vautrin, il-Ministru għas-Saħħa u l-Familja ta’ Franza.

Din il-projbizzjoni se tidħol fis-seħħ mill-1 ta’ Lulju u se tinkludi bajjiet, ġonna pubbliċi, parks, ħdejn l-iskejjel, waqfiet tal-karozzi tal-linja u postijiet sportivi. “It-tabakk irid jisparixxi fejn ikun hemm it-tfal,” qalet Vautrin f’intervista ppubblikata mill-gazzetta Ouest-France.

Hija qalet li ż-żoni fuq barra tal-kafetteriji u l-bars, magħrufa bħala “terrasses”, se jkunu eżentati mill-projbizzjoni. F’każ ta’ ksur tar-regoli, dan jista’ jwassal għal multa ta’ €135, bil-pulizija se jkunu qegħdin jinforzaw ukoll din il-projbizzjoni.

Għalkemm is-sigaretti elettroniċi huma eżentati, Vautrin qalet li se tkun qiegħda taħdem biex tintroduċi limiti fuq l-ammonti ta’ nikotina li dawn ikun fihom.

Skont iċ-Ċentru Franċiż ta’ Monitoraġġ għad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga, 23.1% tal-popolazzjoni Franċiża tpejjep kuljum – l-inqas perċentwal li qatt ġie rreġistrat.

Il-Kumitat Nazzjonali Franċiż Kontra t-Tipjip jgħid li aktar minn 75,000 persuna li tpejjep imutu kull sena minn mard relatat mat-tabakk, li jammontaw għal 13% tal-imwiet kollha.

It-tipjip fi stabbilimenti bħal ristoranti u nightclubs ilu pprojbit fi Franza mill-2008. Aktar minn 1,500 muniċipalità diġà pprojbixxew b’mod volontarju it-tipjip f’postijiet pubbliċi waqt li għal bosta snin, f’mijiet ta’ bajjiet madwar Franza, ma setax isir tipjip.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport