Franza se tkun qed tipparteċipa fl-eżerċizzji militari konġunti flimkien mal-Italja, il-Greċja u Ċipru li se jkunu qed jiżvolġu fil-Lvant tal-Mediterran. L-eżerċizzji militari se jkunu qed jiżvolġu hekk kif kompliet teskala t-tensjoni bejn it-Turkija u l-Greċja dwar ir-riżorsi fir-reġjun. Il-parteċipazzjoni ta’ Franza fl-eżerċizzji militari kienet ikkonfermata mill-Ministru Franċiż għall-Forzi Armati Florence Parly.
It-tensjoni bejn it-Turkija u l-Greċja eskalat wara li Ankara bagħtet lill-bastiment ta’ stħarriġ “Oruc Rresi” fir-reġjun, mossa li Ateni sejħet bħala illegali.
“Il-Lvant tal-Mediterran qed jinbidel f’żona ta’ tensjoni. It-tħaris tal-liġi internazzjonali għandu jkun ir-regola u mhux l-eċċezzjoni,” saħqet Parly f’kumment li ppubblikat fuq Twitter. Hija żiedet tgħid li r-reġjun m’għandux ikun spazju għall-ambizzjonijiet ta’ xi wħud.
ir-relazzjonijiet diplomatiċi bejn Franza u t-Turkija ħadu bixra għall-agħar matul dawn l-aħħar xhur wara l-azzjonijiet tal-Gvern tork fin-NATO, il-Libja u l-Mediterran.
Il-President Franċiż Emmanuel Macron talab lill-Unjoni Ewropea biex turi solidarjetà mal-Greċja u Ċipru dwar il-kwistjoni tar-riservi ta’ gass naturali li jinsabu ’l barra mill-kosta Ċiprijotta. Huwa talab ukoll għal sanzjonijiet fuq livell Ewropew, minkejja li mhemmx qbil totali dwar dan fil-blokk Ewropew.