Monday, December 23, 2024

Franza żżid is-sigurtà wara l-attakk b’sikkina fi skola

Aqra wkoll

FRANZA ŻŻID IS-SIGURTÀ WARA L-ATTAKK B’SIKKINA FI SKOLA

Il-Prim Ministru Franċiż poġġiet lill-pajjiż fuq l-ogħla stat ta’ allert tiegħu għal kontra t-terroriżmu wara li l-attakk b’sikkina fi skola li ħalla għalliem maqtul u tnejn oħra midruba serjament. 

Xhieda fuq il-post qalu li l-aggressur għajjat “Allahu Akbar”, jew “Alla l-akbar”, waqt l-attakk fi skola f’Arras, fit-Tramuntana ta’ Franza. L-istess aggressur ġie arrestat u jinsab taħt il-kustodja tal-pulizija.

Matul il-ġurnata tas-Sibt, 7,000 suldat intbagħtu għal aktar rondi ta’ sigurtà filwaqt li l-Mużew tal-Louvre f’Pariġi kellu jingħalaq għal raġunijiet ta’ sigurtà.

Meta tkellmet mal-aġenzija tal-aħbarijiet Franċiża AFP, il-pulizija qalet li l-Palazz ta’ Versailles kien ġie evakwat is-Sibt wara theddida ta’ bomba. Huwa mifhum li din it-theddida saret permezz ta’ messaġġ anonimu onlajn.

Sadanittant, l-attakk fl-iskola ta’ nhar il-Ġimgħa seħħ fost tensjonijiet li qed jiżdiedu fil-komunitajiet kbar Musulmani u Lhud ġewwa Franza, b’mod partikolari minħabba l-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Ħamas.

L-aggressur, li ġie identifikat bħala Mohamed Mogouchkov – ċittadin Russu ta’ 20 sena – huwa ta’ oriġini Ċeċnija, bil-pulizija tgħid ukoll li huwa magħruf mis-servizzi tas-sigurtà għall-involviment tiegħu mal-estremiżmu Iżlamiku.

Rapporti qalu li huwa kien eks student fl-iskola u allarma lill-għalliema bil-lingwa estremista tiegħu. Il-Pulizija arrestat ukoll diversi membri tal-familja tal-aggressur – ħuh ta’ 17-il sena, ommu, oħtu u ziju.

Il-Prim Ministru Elisabeth Borne ħadet dawn il-passi għal aktar sigurtà wara laqgħa li kellha mal-President Emmanuel Macron.

Ekonomija

Sport