Sunday, December 22, 2024

Frar se jurina xi jsarraf… iżda xejn ta’ barra minn hawn

Jibda jintensifika l-maltemp u jibqa' għaddej sa nhar is-Sibt

Aqra wkoll

Il-kesħa li qed tagħmel fil-ġżejjer Maltin hija sinonima ma’ Frar għalkemm it-temperatura hija 4 gradi inqas mill-medja.

Jidher li minn ftit tal-ħin ieħor il-maltemp se jintensifika sew tant li anke nħarġu diversi avviżi biex wieħed jieħu l-miżuri meħtieġa fosthom inħarġet twissija ta’ riħ qawwi.

Minkejja kull twissija, l-ebda urugan m’hu se jmissna… Se jkollna temp simili ħafna għan-normal li wieħed jistenna fi Frar speċjalment fil-festa ta’ San Pawl.

Is-sit tat-tbassir tat-temp Maltese Islands Weather qed jirrapporta li dipressjoni minn fuq id-deżert tas-Saħara se tintensifika fuq il-Golf ta’ Gabes qabel tersaq lejn iċ-ċentru tal-Mediterran fejn imbagħad se tibqa stazzjonarja sa kmieni s-Sibt li ġej.

Dwar ix-xita, l-istess sit qed jgħid li Qed nistennew li jiġi mkejjel ammont sinfikanti ta’ xita madwar il-Gżejjer Maltin. Ix-xita l-aktar qawwija mistennija għada l-Ħamis, meta x-xita qawwija u persistenti se tkun possibli. Din mistennija l-aktar matul il-jum. Ix-xita tista’ tkun bir-ragħad u bis-silġ kultant. Ix-xita tal-Ġimgħa – Jum San Pawl – se tkun f’ħalbiet, li xorta waħda jistgħu jkunu qawwijin, bir-ragħad u bis-silġ kultant.

Għalhekk l-awtoritajiet qed jħeġġu lill-pubbliku biex ħadd ma jħalli vetturi f’toroq magħrufa li jinġabar ħafna ilma fihom.

Dwar ir-riħ u s-sitwazzjoni tal-baħar jidher li ċ-ċentru ta’ din id-dipressjoni se jkun qed idur madwar il-Gżejjer Maltin. Għal din ir-raġuni nistennew li d-direzzjoni tar-riħ u mewġ tvarja ħafna u b’mod frekwenti.

Il-kumpaniji li joperaw servizz bejn Malta u Sqallija ħabbru li mhux se jkunu qegħdin jaħdmu. Is-servizz tal-fast ferry bejn Għawdex u Malta wkoll mistenni li jiġi sospiż. Is-servizz tal-Gozo Channel minkejja li jista’ jiġi affettwat bir-riħ kif se jkun, mhux mistenni li jieqaf għal kollox, pero dwemien hu mistenni.

Is-sit Maltese Islands Weather qed jirrapportaw li “s’issa qed nistennew riħ Lvant għal Grieg il-Lvant Forza 6 għal 7 għal Ħamis (għada). Il-Ġimgħa jaf ikun il-jum bl-aktar riħ qawwi. Ir-riħ se jilħaq Forza 8 għal 9 kultant.

Id-direzzjoni se tvarja minn Majjistral għal Grigal. Il-baħar se jkun imqalleb ħafna. L-imbatt se jkun moderat għal għoli. Il-mewġ se jkun il-biċċa l-kbira mill-Grigal, pero l-kosta kollha tal-Gżejjer Maltin se tkun qed tiġi affetwata.”

Ir-rapport tas-sit itemm jgħid li “mhux qed nistennew urugani” filwaqt li qal li għalkemm il-maltemp fuq il-gżejjer Maltin se jkun intens, Sqallija se tieħu l-agħar tiegħu.

Is-sitwazzjoni terġa’ tiġi lura bil-mod għan-normali nhar is-Sibt li ġej.

Ekonomija

Sport