Friday, December 27, 2024

Frederick Azzopardi ma jinstabx ħati li kiser il-liġijiet tal-ambjent

Aqra wkoll

L-eks Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta Frederick Azzopardi ġie lliberat mill-akkużi relatati ma’ xogħol illegali f’Wied Qirda wara li rriżulta li kienet diġà tħallset multa b’rabta mal-każ filwaqt li akkużi oħra kienu preskritti. 

Il-Qorti ddikjarat li l-ħlas ta’ penali amministrattiva fuq ix-xogħlijiet kien spiċċa l-azzjoni kriminali li sussegwentement ittieħdet kontra Azzopardi. Huwa kien qed jaffaċċja akkużi li kiser il-liġijiet tal-ambjent meta ordna li jsiru xogħlijiet f’sit protett. 

Meta xehdet fil-proċeduri, id-Direttur tal-Infurzar tal-ERA Aimee Brincat, hija kienet iddikjarat li l-penali amministrattiva maħruġa mill-Awtorità fil-konfront “tal-Inġ Frederick Azzopardi Infrastructure Malta” u “Infrastructure Malta, Ing. Frederick Azzopardi”, kienu mħallsa. 

Id-Direttur ikkonfermat ukoll li ma kienx hemm ħlasijiet oħra pendenti u li għall-awtorità l-każ kien “magħluq għalkollox.” Il-prosekuzzjoni argumentat li l-piena tħallset minn Infrastructure Malta u mhux minn Azzopardi nnifsu.

“Iżda l-fatt li l-penali ġiet imposta kontra “Inġ. Frederick Azzopardi Infrastructure Malta” jew viċi versa seta’ jfisser biss li l-ERA kienet talbet ħlas mingħand IM u l-akkużat alternattivament mhux “b’mod kumulattiv,” osservat il-Qorti.

Intqal ukoll li ma kienx hemm evidenza li l-ERA kienet ħarġet invoice oħra, separata u distinta fir-rigward ta’ Azzopardi personalmentt bħala uffiċjal tal-Infrastructure Malta jew Infrastructure Malta biss. 

Il-kwistjoni kienet tkun differenti li kieku kienet inħarġet multa separata u kienet ippreżentata evidenza li turi li ma kinitx tħallset. Iżda, f’dan il-każ, id-Direttur tal-Infurzar kienet xehdet li ma kien hemm l-ebda penali oħra pendenti u lanqas ma nħares ksur ta’ avviż fuq ix-xogħlijiet f’Ħaż-Żebbuġ. 

Fl-isfond ta’ dan kollu, u l-fatt li l-akkużi l-oħra ġew preskritti, il-Maġistrat Rachel Montebello lliberat lil Azzopardi minn kull responsabbiltà kriminali.

L-Avukati Stephen Tonna Lowell, Stefano Filletti, Rachel Powell u  Ana Thomas dehru għal Azzopardi.

Ekonomija

Sport