Friday, November 15, 2024

Fredrick Azzopardi jinsisti li l-akkużi kontrih huma preskritti

Jitlob ukoll għar-rikuża tal-Maġistrat

Aqra wkoll

L-eks Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta Fredrick Azzopardi talab għar-rikuża ta’ Maġistrat li qiegħda tippresjedi l-kawża fil-konfront tiegħu fejn qed jiġi mixli b’allegat ksur ta’ liġi għall-ħarsien tal-ambjent. Dan għaliex qed isostni li l-istess Maġistrat diġà ddikjarat ruħha f’kawża oħra relatata, filwaqt li sostna li l-akkużi miġjuba kontrih kienu preskritti.

Azzopardi tressaq il-Qorti t-Tlieta filgħodu biex jaffaċċja akkużi kriminali b’rabta ma’ ksur ta’ liġi dwar il-protezzjoni ambjentali wara li allegatament injora ordni biex jieqfu xogħlijiet minn awtorità governattiva u ordna lill-kuntrattur sabiex ikompli għaddej bix-xogħlijiet li kienu qed isiru f’Wied Qirda, Ħaż-Żebbuġ.

Il-Prosekuzzjoni li qed titmexxa mill-Ispettur Elliott Magro, akkuża lil Azzopardi li injora ordni tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) biex iwaqqaf lill-kuntrattur milli jkompli bix-xogħlijiet. Min-naħa tiegħu, Azzopardi qed isostni li l-Maġistrat Elaine Mercieca diġà tat sentenza fil-konfront tal-istess kuntrattur dwar dan il-każ u għalhekk diġà ffurmat opinjoni dwar il-każ.

F’April li għadda, il-Maġistrat Mercieca mmultat lill-kuntrattur, Anthony Camilleri, is-somma ta’ €36,000 wara li sabitu ħati li kompla għaddej b’xogħlijiet fil-wied minkejja ordni biex jieqaf. 

Din id-deċiżjoni ssemmiet ukoll fis-seduta tat-Tlieta mill-Avukati ta’ Azzopardi, li talbu wkoll għar-rikuża tal-Maġistrat. Fil-bidu tas-seduta, Azzopardi wieġeb mhux ħati tal-akkużi. 

L-avukati tiegħu qed jinsistu wkoll li l-akkużi huma preskritti, jiġifieri għadda l-perjodu meta kellhom jitressqu u għalhekk għandhom jaqgħu. Il-każ ikompli fis-27 ta’ Settembru li ġej fejn mistenni tingħata deċiżjoni dwar it-talba għar-rikuża tal-Maġistrat. 

L-Avukati Stefano Filletti, Stephen Tonna Lowell u Rachel Powell qed jidhru għal Azzopardi. Qabel is-seduta, Azzopardi sab grupp ta’ nies jistennewh li tawh l-appoġġ tagħhom.

Ekonomija

Sport