Friday, December 27, 2024

French Open: Daniil Medvedev ikompli għaddej

Aqra wkoll

Ir-Russu Daniil Medvedev kompla għaddej bil-forma impres­sjonanti tiegħu meta warrab lil Miomar Kecmanovic u għadda għar-raba’ round tal-French Open li qed isir f’Roland Garros, Pariġi, mingħajr ma għadu tilef set.

It-tieni seed kien bla waqfien u inventiv matul ir-rebħa ta’ 6-2 6-4 6-2 fuq is-Serb li huwa seed numru 28. Huwa fajjar 42 shots rebbieħa fil-Court Suzanne Lenglen, inkluż pass ta’ forehand waqt li kien għaddej fuq match point.

“Onestament qabel il-partita qatt ma ħsibt li nista’ nirbaħ b’dan l-iskor,” qal Medvedev. “Irnexxieli nagħmel kollox eċċezzjonalment taj­jeb illum. Huwa rari li wara l-partita nistgħu ngħidu kemm lgħabna tajjeb.”

Ħafna mill-fokus fil-poloz kien immirat lejn in-nofs ta’ fuq, li jinkludi ċ-champion renjanti, Novak Djokovic, ir-rebbieħ 13-il darba, Rafael Nadal, u Carlos Alcaraz fil-forma, u debitament ħa l-iskrutinju ’l bogħod mir-rebbieħ tal-US Open, Medvedev.

Fl-aħħar 16 ir-Russu se jiltaqa’ kontra l-Kroat, Marin Cilic, li min-naħa tiegħu għeleb lill-Franċiż, Gilles Simon, li kien ġej minn żewġ rebħiet tajbin, bil-punteġġ komdu ta’ 6-0 6-3 6-2.

Is-seed numru 4, il-Grieg Stefanos Tsitsipas, kiseb rebħa faċli meta warrab l-isfida tal-Isvediż Mikael Ymer meta għelbu 6-2 6-2 6-1 wara li fir-rounds ta’ qabel ingħata battikata miċ-Ċep Zdenek Kolar meta għelbu 6-3 7-6 (10-8) 6-7 (3-7) 7-6 (9-7) u mill-Amerikan, Brenden Nakashimo 7-6 (7-2) 6-3 7-6 (7-5) li ħamsa mis-seba’ sets intrebħu wara tiebreaks.

Fi bnadi oħra fin-nofs t’isfel tal-polza, is-seba’ seed Andrey Rublev għeleb liċ-Ċilen, Cristian Garin, 6-4 3-6 6-2 7-6 (13-11). Ir-Russu ta’ 24 sena għadu ma għaddiex mill-istadju tal-kwarti-finali ta’ Grand Slam fil-karriera tiegħu sal-lum.

Huwa se jkollu dan iċ-ċans li jilħaq l-aħħar tmienja meta jilgħab kontra s-seed numru 11, it-Taljan Jannik Sinner, li min-naħa tiegħu għeleb lill-Amerikan, Mackenzie McDonald, fi tliet sets li wieħed minnhom daħal f’tiebreak, 6-3 7-6 (8-6) 6-3.

F’logħbiet li saru l-Ġimgħa fil-għaxija ż-żagħżugħ Spanjol, Alcaraz, kompla għaddej meta għeleb lill-Amerikan, Sebastian Korda, 6-4 6-4 6-2.

Il-Britanniku Cameron Norrie kellu jbaxxi rasu kontra r-Russu, Karen Khachanov, li għelbu 6-2 7-5 5-7 6-4.

Fil-kategorija femminili l-favorita kbira, Iga Swiatek, għad­diet mill-aktar test diffiċli s’issa biex laħqet l-aħħar 16 hekk kif il-polza kompliet tinfetaħ għaliha. In-numru wieħed tad-dinja għelbet lil Danka Kovinic ta’ Montenegro, 6-3 7-5.

Issa Swiatek hija l-unika seed mill-aqwa għaxra  li fadal fil-polza tan-nisa wara li l-bieraħ ġew eli­minati Aryna Sabalenka u Paula Badosa.

Is-seba’ seed, il-Belarussa, Sabalenka, ġiet megħluba 4-6 6-1 6-0 mit-Taljana, Camila Giorgi, filwaqt li t-tielet seed, l-Ispanjol Badosa rtirat imweġġa’ meta kienet 6-3 2-1 minn taħt kontra r-Russa, Veronika Kudermetova.

Swiatek issa se tiffaċċja n-numru 74 tad-dinja, iċ-Ċiniża Zheng Qinwen fir-raba’ round wara li din għelbet lill-Franċiża Alize Cornet 6-0 3-0 b’din tirtira mweġġa’ ukoll.

L-avventura tal-wildcard Fran­ċiża, Leolia Jeanjean, f’Roland Garros ġiet fi tmiemha fit-tielet round hekk kif ġiet megħluba 6-1 6-4 mir-Rumena Irina-Camelia Begu.

Dan wara li fir-round ta’ qabel Jeanjean, klassifikata fil-227 post fid-dinja, kienet stordiet lit-tmien seed, Karolina Pliskova.

L-eks kwarti-finalista Russa, Daria Kasatkina, li qed tikkompeti taħt bandiera newtrali minħabba l-invażjoni tar-Russja tal-Ukrajna, għelbet lill-Amerikana Shelby Rogers 6-3 6-2, filwaqt li l-Amerikana l-oħra, Jessica Pegula għelbet lil Tamara Zidansek, 6-1 7-6 (7-2).

Ekonomija

Sport