Saturday, December 21, 2024

French Open: Nadal fil-finali wara li Zverev kellu jirtira minħabba injury

Aqra wkoll

Rafael Nadal għadda għall-finali tal-French Open wara li l-avversarju tiegħu, Alexander Zverev, kellu bżonn joħroġ mill-court fuq siġġu tar-roti wara waqgħa kerha.

B’hekk huwa jinsab logħba biss bogħod milli jirbaħ it-22 titlu tal-Grand Slam u l-14-il wieħed f’Pa­riġi.

It-tielet seed, Zverev, għajjat bl-uġigħ meta niżel fuq il-baseline jiġġebbed għal ballun fl-aħħar punt tat-12-il logħba tat-tieni set.

Nadal, imħasseb, mar ħdejh biex jiċċekkja lill-avversarju tiegħu hekk kif tabib ġera għal fuq il-court biex jgħin lill-Ġermaniż.

Dak il-ħin is-seed numru 5, Nadal, kien jinsab fil- vantaġġ, 7-6 (10-8) 6-6, meta Zverev ħareġ mill-court.

Wara waqfa qasira, Zverev irritorna bil-krozzi fejn ingħata tgħannieqa ta’ ħbieb minn Nadal qabel ma l-folla qamet bil-wieqfa biex tagħtih ovazzjoni kbira.

“Huwa diffiċli ħafna u nħos­sni mdejjaq ħafna għalih,” qal Nadal, cham­pion ta’ dan l-Open 13-il darba.

“Kien qed jilgħab tournament inkredibbli. Naf kemm qed jiġġieled għal Grand Slam – se jirbaħ aktar minn wieħed. Nawguralu l-aħjar.

“Huwa diffiċli li ngħid ħafna affarijiet f’din is-sitwazzjoni. Għalija li nkun fil-finali ta’ Roland Garros hija ħolma, iżda fl-istess ħin li nispiċċa hekk mhux sabiħ.

“Kont f’kamra żgħira ma’ ħuh Sascha (fil-kamra tat-trattamenti barra l-court) u li narah jibki kien mument diffiċli.”

L-irtirar ta’ Zverev poġġa lil Nadal fil-finali ta’ għada, fejn se jilgħab kontra n- Norveġiż seed numru 8, Casper Ruud, jew kontra s-seed numru 20, il-Kroat Marin Cilic, bil-logħba tibda fit-3.00 pm. 

F’għeluq is-36 sena tie­għu, Nadal sar it-tieni l-ixjeħ finalista tas-singles tal-irġiel fl-istorja tal-French Open wara l-Amerikan Bill Tilden, li kellu 37 sena meta kien runner-up fl-1930.

Ekonomija

Sport