Novak Djokovic jinsab rebħa biss bogħod minn rekord ta’ 23 titlu ewlieni tal-irġiel wara li għadda għall-finali tal-French Open billi għeleb lil Carlos Alcaraz f’logħba mħassra minn injury lill-Ispanjol.
F’logħba mill-isbaħ fejn kienu rebħu set kull wieħed, Alcaraz weġġa’ kmieni fit-tielet wieħed b’bugħawwieġ.
Huwa kompla darbtejn wara li ngħata l-kura iżda s-Serb Djokovic ħa vantaġġ sħiħ biex iddomina u rebaħ 6-3 5-7 6-1 6-1.
Djokovic, 36 sena, se jilgħab kontra Casper Ruud jew kontra Alexander Zverev fil-finali għada li tibda fit-3.00 pm.
Ir-raba’ seed Norveġiż, Ruud, kien il-finalista megħlub tas-sena l-oħra, filwaqt li t-22 seed Ġermaniż, Zverev, reġa’ jinsab lura fis-semi-finali wara li sofra injury gravi fl-għaksa fl-istess stadju 12-il xahar ilu.
B’kumbinazzjoni, qabel ir-ritorn ta’ Zverev mal-aħħar erbgħa, is-semi-finali tal-ftuħ ta’ din is-sena kienet ukoll deċiża kmieni minn kwistjoni fiżika – għalkemm b’xorti tajba l-problema tal-aqwa seed, Alcaraz, ma kinitx tal-istess gravità bħall-injury tal-Ġermaniż, li żammitu barra għal diversi xhur.
Iżda kienet biżżejjed biex tħassar laqgħa li kienet qed tiffjorixxi f’waħda klassika bejn player li għadu fil-bidu tal-karriera tiegħu kontra wieħed li jinsab riesaq lejn it-tmiem ta’ karriera mimlija suċċessi kif ukoll kontroversjali speċjalment waqt il-pandemija tal-Covid-19 meta rrifjuta li jiġu njettat akkost ta’ kollox.
Alcaraz, 20 sena, laqat forehand fix-xibka fit-tieni match-point ta’ Djokovic, u xaqleb rasu hekk kif qabeż ix-xibka, fejn it-tielet seed stenna biex iħaddan lill-avversarju tiegħu.
Djokovic faħħar lil Alcaraz barra mill-court flimkien mal-folla, iżda wara ċ-champion darbtejn ġie bbuwjat hekk kif iċċelebra li waslet finali oħra billi ppunta lejn is-sema.
IGA SWIATEK KONTRA KAROLINA MUCHOVA
FIL-FINALI FEMMINILI TAL-LUM
Wara ġimagħtejn ta’ taqlib u drammi fil-polza tan-nisa, il-Pollakka Iga Swiatek illum fit-3.00 pm se tiltaqa’ kontra ċ-Ċeka, Karolina Muchova, fil-finali f’Roland-Garros.
Għan-numru wieħed tad-dinja Swiatek, huwa ċans għat-tielet titlu f’Pariġi u r-raba’ tal-Grand Slam, filwaqt li għal Muchova hija l-ewwel finali tal-Grand Slam u opportunità tad-deheb. Swiatek għandha l-esperjenza, Muchova għandha l-varjetà. Huwa t-tqassim tattiku ta’ kif tista’ tiżvolġi l-logħba.