Il-midfielder Frenkie de Jong sostna li m’għandu l-ebda pjan li jħalli lil Barcelona.
Minkejja li baqa’ jiġi utilizzat bħala player regolari tal-ewwel team tal-Katalani tul l-istaġun kollu, f’nofs it-triq ħarġet spekulazzjoni li l-internazzjonali Olandiż jista’ jħalli l-Camp Nou.
Madankollu, filwaqt li hemm allegat interess minn clubs bħal Bayern Munich, De Jong żvela li jixtieq jimpenja l-futur fit-tul tiegħu mal-ġganti Katalani.
Il-player ta’ 24 sena qal li: “Ninsab kuntent ma’ Barcelona. Probabbilment niffirma estensjoni ta’ kuntratt ta’ sitt snin jekk jipproponuli, iva.”
De Jong, li għamel 128 dehra ma’ Barcelona minn meta ngħaqad magħhom lura fl-2019, fadallu aktar minn erba’ snin fil-kuntratt attwali tiegħu mal-Katalani.