Noel Bonello minn Ħaż-Żabbar, ammetta li ffroda b’eluf ta’ ewro żewġ koppji fejn kien qailhom li hu l-werriet ta’ €57 biljun, iżda fl-istess ħin ma kellux €500 biex jingħata l-pleġġ.
Bonello tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana lbieraħ fejn ġie akkużat bi frodi, li għamel qligħ frawdolenti u li miżapproprja total ta’ €4,500. Huwa kien mixli wkoll b’użu ħażin ta’ tagħmir elettroniku tat-telekomunikazzjoni.
Il-Prosekuzzjoni spjegat li Bonello kien wiegħed li se jgħin biex jiġi ffinanzjat trattament mediku għal tifel ta’ waħda mill-koppji fejn kellu bżonn jingħata l-kura l-Ġermanja.
Hu rnexxielu jikkonvinċi lill-koppji li kien wiret somma kbira ta’ flus fejn anke f’każ minnhom kien semma s-somma ta’ €57 biljun, iżda kien qallhom li kellu bżonn injezzjoni ta’ flus kontanti malajr biex jaċċessa l-fondi tiegħu.
Skont dak ippreżentat fil-Qorti, waħda mill-koppji tat €1,000 lill-frodist, l-oħra €3,500. Huma bdew jissuspettaw li kien hemm xi ħaġa ħażin minħabba li Bonello waqaf jirrispondi t-telefonati tagħhom u kien għalhekk li marru jagħmlu rapport fl-għassa ta’ Birżebbuġa.
Bid-dmugħ f’għajnejh, Bonello filwaqt li wieġeb ħati u anke reġa’ kkonferma dan wara li ngħata l-ħin biex jerġa’ jaħsibha, qal li hu kien marid.
Il-Qorti laqgħet it-talba tad-difiża li kienet immexxija mil-avukat Franco Debono u Francesca Zarb biex jitħejja rapport dwar l-istat tal-klijent tagħhom.
Id-difiża għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest, liema talba ġiet milqugħa mill-Qorti fejn f’dan il-perjodu għandu jsir rapport dwar is-saħħa tar-raġel. Il-Qorti ordnat lir-raġel jiffirma l-għassa tliet darbiet fil-ġimgħa u anke jkun f’daru f’ċertu ħinijiet. Il-libertà proviżorja kienet garantita b’depożitu ta’ €300 u garanzija personali ta’ €3,500. Id-depożitu kellu jitnaqqas mill-€500 inizjali wara li l-imputat qal li ma kienx se jiflaħ is-somma.
Il-każ se jkompli jinstema f’Diċembru.