L-andament tas-suq tal-akkomodazzjoni, il-ħtiġiet preżenti u dawk futuri u l-istrateġija tal-Gvern f’dan il-qasam ġew diskussi waqt konferenza “Id-Dar t’Għada” li laqqgħet esperti u diversi kelliema f’dan il-qasam.
Fil-ftuħ tal-konferenza, il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes qal li fl-ewwel disa’ xhur ta’ dis-sena diġà ingħataw 377 allokazzjoni ġodda ta’ akkomodazzjoni soċjali. Flimkien mal-550 allokazzjoni tas-sena l-oħra dawn ipprovdew saqaf għal aktar minn 900 familja.
Il-Ministru Galdes qal li s-sena l-oħra u dis-sena l-Gvern se jkun investa madwar €150 miljun fuq l-akkomodazzjoni soċjali u affordabbli, filwaqt li se jibqa’ jsostni dan l-investiment anke matul is-sena d-dieħla.
Il-Ministru Galdes qal li tul l-2024 kien hemm aktar minn 12,300 familja li bbenefikaw minn skemi tal-Awtorità tad-Djar bħal dik tal-first-time buyers u l-iskema tal-equity sharing. Waqt li 85% tal-familji Maltin huma sidien ta’ darhom, il-Gvern se jibqa’ joffri aktar alternattivi għal dawk li ma jikkwalifikawx għal akkomodazzjoni soċjali. Huwa semma l-proġett ta’ akkomodazzjoni affordabbli flimkien mal-Knisja li jaħseb għal 260 appartament għal bejgħ bi prezz ta’ 30% orħos minn dak tas-suq. Il-Ministru Galdes irrefera wkoll għal inizjattivi ġodda li se jitniedu fosthom il-kunċett ta’ koperattivi fil-qasam tal-akkomodazzjoni li jkun marbut fuq il-komunità.
Il-Ministru Galdes semma wkoll li l-Gvern se jkompli jwieżen lill-anzjani u dawk vulnerabbli b’mezzi għal stairlift u liftijiet ġodda biex iżżidilhom l-aċċessibilità fi djarhom. Huwa fakkar fi skemi bħal “Nikru biex Nassistu” li biha bbenefikaw 1,300 familja wara investiment ta’ €38 miljun fl-aħħar 8 snin.
Il-Ministru Galdes qal li l-impenn tal-Gvern jibqa’ dak li jnaqqas aktar il-lista ta’ stennija waqt li jżid l-istock ta’ akkomodazzjoni affordabbli permezz ta’ binjiet u inizjattivi ġodda filwaqt li jgħin aktar familji jsiru sid ta’ darhom.
“Konformi mal-Viżjoni Malta 2050, l-akkomodazzjoni tibqa’ tingħata l-importanza għaliex hija pilastru tal-ġustizzja soċjali u l-pedament ta’ soċjetà ġusta u inklussiva,” temm jgħid il-Ministru Galdes.
Il-konferenza ġiet indirizzata wkoll mis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Emanuel Psaila li rrefera għal ħidma li qed issir sabiex ikomplu jintlaħqu iktar gruppi ta’ nies mill-bosta skemi għal akkomodazzjoni. Huwa semma li fost il-miżuri u skemi li qed jiġu kkunsidrati hemm dawk li huma innovattivi għall-aħħar għal pajjiżna.
Is-Segretarju Permanenti Ronald Mizzi, responsabbli għall-Koordinazzjoni u l-Implementazzjoni tal-Viżjoni Malta 2050 fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, faħħar id-diskussjoni multi dimensjonali. Huwa semma kif il-Viżjoni Malta 2050 hija bbażata fuq il-kwalità tal-ħajja u kif it-tieni pilastru tal-Viżjoni jara li jibni pajjiż li jżomm fiċ-ċentru tiegħu lill-individwu, u proprju l-akkomodazzjoni affordabbli hija parti minn dan il-pjan.
Fil-konferenza taw sehemhom ukoll diversi kelliema f’diskussjonijiet li saru f’diversi panels.