Wednesday, December 11, 2024

F’Settembru 2024 ġew Malta 339,497 turist għal btala

Aqra wkoll

It-turiżmu lejn pajjiżna f’Settembru ta’ din is-sena baqa’ jżomm ir-ritmu tax-xhur ta’ qabel tant li matul dan ix-xahar żaru Malta mhux inqas minn 339,497 turist għal btala, filwaqt li 15,078 oħra ġew pajjiżna biex jaħdmu. Turisti mir-Renju Unit, l-Italja, u Franza kienu jammontaw għal 47.1 fil-mija tat-turisti kollha li żaru pajjiżna.

Ċifri uffiċjali mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Iststistika juru li l-akbar għadd taʼ turisti kellhom bejn il-25 u l-44 sena u warajhom kien hemm dawk taʼ età bejn il-45 u l-64 sena. 

Meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena taʼ qabel, l-għadd sħiħ tal-iljieli mqattgħin Malta telaʼ bi 15.6 fil-mija, u kważi laħaq iż-2.5 miljuni ljieli. Aktar minn 85% taʼ dawn l-iljieli kienu fi stabbilimenti taʼ akkomodazzjoni mikrija. It-tul medju taʼ dawn iż-żjajjar kien jammonta għal 6.9 ljieli .

In-nefqa totali tat-turisti li żaruna f’Settembru qabżet it-€385.8 miljun, żieda taʼ 24.1 fil-mija fuq l-istess xahar sena qabel. L-infiq medju kull lejl kien stmat li jammonta għal €154.

Għawdex u Kemmuna wkoll kellhom sehem mit-turiżmu lejn gżiritna tant li kemm dawk li qagħdu għal ġurnata kif ukoll dawk li qagħdu hemm, ammontaw għal 224,950, jew 62.3 fil-mija tat-turisti kollha .

Fl-ewwel disa’ xhur tas-sena, bejn Jannar u Settembru 2024 l-għadd ta’ turisti li resqu lejn Malta, rreġistra żieda taʼ 21.1 fil-mija fuq l-istess perjodu tal-2023 u laħaq kważi 2.8 miljuni. In-numru tal-iljieli li damu Malta telaʼ wkoll bi 13.7 fil-mija u bʼhekk kważi laħaq is-17.9-il miljun lejl.

L-infiq sħiħ mit-turisti kien stmat li laħaq iż-€2.6 biljuni, żieda ta’ 23.4% ogħla minn dak li kien irreġistrat fl-istess perjodu tal-2023. L-infiq ras għal ras tela’ għal €926 mid-€908 li kien stmat fl-istess perjodu tal-2023.

Ekonomija

Sport