Tuesday, December 24, 2024

F’Sheffield: Żammew lil binhom awtistiku maqful f’kamra jbati l-ġuħ u f’kundizzjonijiet xokkanti

Aqra wkoll

Ġenituri ta’ raġel li għandu l-kundizzjoni tal-awtiżmu li nstab f’kundizzjoni xokkanti ferm, tant li kien kważi qrib il-mewt u jiżen inqas minn 40kg, instabu ħatja ta’ negliġenza.

Lorna Hewitt ta’ 43 sena u żewġha Craig ta’ 42 sena żammew lil binhom Matthew Langley ta’ 22 sena msakkar f’waħda mill-kmamar fid-dar tagħhom f’Sheffield, ġewwa l-Ingilterra, għal seba’ xhur.

Dettalji tal-kundizzjonijiet li fihom instab Matthew juru tassew is-sitwazzjoni miżera li għal seba’ xhur sħaħ tħalla jgħix fiha hekk kif il-kamra kienet mimlija ħmieġ u remettar. Fil-qorti nstema kif il-kamra kienet mimlija dubbien, riħa qawwija u li kien hemm ċavetta fuq barra tal-bieb.

Il-koppja Hewitt ċaħdu li żammewh magħluq iżda lbieraħ il-Qorti ta’ Sheffield sabithom ħatja ta’ “priġunerija” falza u li kkaġunaw jew ħallew adult vulnerabbli jsofri ħsara fiżika serja.

Instema kif meta nstab Matthew kien kważi qrib il-mewt u kien sofra ħsara f’kilwa minnhom minħabba livelli għoljin ta’ sodju peress li kellu nuqqas kbir ta’ ilma.

Matthew, li fost l-oħrajn kien sofra minn artrite u diffikultajiet fit-tagħlim, kien jiżen biss 39kg meta nstab.

Huwa ma kienx jitħalla joħroġ mill-kamra jew jitħalla jiekol mal-bqija tal-familja iżda minflok kienu jagħtuh xi ikel ġewwa kaxxa f’kamartu, minkejja li hemm dubji kbar dwar kemm effettivament kien qed jingħata biżżejjed.

Is-sentenza finali mistennija tingħata x-xahar id-dieħel.

Ekonomija

Sport