Saturday, May 4, 2024

F’sitt snin ġew reġistrati 35,000 notifika tat-twelid u mewt fl-uffiċċju ta’ Identità f’Mater Dei

Aqra wkoll

Kull sena, l-uffiċċju li l-aġenzija Identità għandha fl-Isptar Mater Dei, irreġistra żieda fit-talba għas-servizzi tiegħu. Dan jirrifletti l-impenn tal-aġenzija sabiex il-klijenti jkunu fiċ-ċentru ta’ kull deċiżjoni li tittieħed bil-għan li s-servizz ikun wieħed effiċjenti u effettiv

Sa mit-twaqqaf ta’ dan l-uffiċċju, fl-2018, ġew reġistrati kważi 35,000 notifika ta’ twelid u mewt, li jammontaw għal aktar minn 70% tan-notifikazzjonijiet ta’ twelid u mewt li daħlu fir-Reġistru Pubbliku ta’ Malta.

L-aġenzija Identità fakkret is-sitt sena mill-ftuħ ta’ dan l-uffiċċju fil-preżenza tal-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri, il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela u l-Kap Eżekuttiv ta’ Identità Steve Agius.

Il-Ministru Camilleri stqarr, “Id-deċiżjoni li Identità tibda toffri s-servizzi tagħha f’Mater Dei wasslet biex in-nies jibdew jirċievu servizz aħjar taħt saqaf wieħed u fil-post l-aktar komdu għalihom. L-impenn tagħna jibqa’ dak li nkomplu nibnu fuq dan is-servizz biex in-nies jirċievu servizzi fl-aktar post komdu għalihom.”

Il-Ministru Jo Etienne Abela tenna l-importanza tal-aġenzija Identità fl-Isptar Mater Dei, fejn qed jiġi offrut servizz kontinwu u ferm importanti liċ-ċittadini. “Kommessi li nkomplu noffru servizz ta’ kwalità u viċin in-nies u nħarsu ’l quddiem sabiex ikomplu jiżdiedu s-servizzi offruti,” temm jgħid il-Ministru Abela.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Identità Steve Agius fakkar fl-impenn tal-Aġenzija li kemm jista’ jkun toffri servizz viċin il-klijenti tagħha. Spjega li n-notifika tal-mewt issa qed issir ukoll fi sptarijiet residenzjali, bħal San Vinċenz de Paul, wara taħriġ speċjalizzat li ngħata lill-ħaddiema. Huwa fakkar ukoll fl-irwol importanti li jaqdi dan l-uffiċċju f’każ ta’ emerġenza fuq tarbija li tkun għadha kif twieldet, u jkollha bżonn kura medika urġenti barra minn Malta.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport