Sunday, December 22, 2024

“Ftaħt għajnejja u kont qed nara ċar”

Jimena, tfajla ta’ 16-il sena, tgħid li sar miraklu magħha waqt il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ

Aqra wkoll

“Ftaħt għajnejja u kont qed nara ċar!” Hekk stqarret Jimena, tfajla ta’ 16-il sena li kienet qiegħda tivvjaġġa ma’ grupp ta’ persuni Spanjoli biex jattendu għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ li sar f’Lisbona.

Tgħid li kien waqt il-quddiesa li kien qed iqaddes Papa Franġisku quddiem il-Madonna ta’ Fatima meta hi resqet biex titqarben b’għajnejha magħluqa u xħin fetħithom indunat li kienet qed tara dak li kien hemm madwarha bħall-kumplament tan-nies l-oħra.

Jimena kienet ilha sentejn u nofs li tilfet id-dawl t’għajnejha kawża ta’ marda li ntlaqtet minnha. Mill-għajn ix-xellugija tista’ tgħid li ma kienet għada tara xejn; kienet tilfet 95% mill-vista t’għajnejha.

Kien fil-5 ta’ Awwissu li għadda meta Papa Franġisku kien qiegħed jitlob u jqaddes f’Fatima meta Jimena tgħid li rċiviet l-aktar rigal ta’ ħajjitha mingħand il-Madonna.
Dawk li kienu qed jagħmlu l-pellegrinaġġ ma’ Jimena ma setgħux jemmnu dak li kien ġara tant li mill-ewwel għamlu kuntatt mal-Isqof ta’ Madrid biex jgħarrfuh b’dan li kien ġara.

L-aħbar ta’ fejqan waqt il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ imxiet bħal-leħħa ta’ berqa, tant li stazzjonijiet tar-radju u anke dawk televiżivi li kienu f’Lisbona mill-ewwel bdew jipprovaw jieħdu xi kummenti ta’ din it-tfajla.

Waqt intervista li tat lil stazzjon tar-radju, Jimena qalet li “Qabel ma tlaqt lejn il-Protugall kont bdejt novena b’fidi qawwija li meta nkun għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ infiq. Papa Franġisku kien qed jitlob għall-fejqan u jien kont hemm … tlajt nitqarben b’għajnejja magħluqa u xħin ftaħthom indunajt li jien kont qed nara b’mod normali,” saħqet it-tfajla.

Intant, fi stqarrija, l-Kardinal Juan José Omell qal li kien tkellem ma’ Jimena u rrefera li kien hemm possibilità li magħha sar miraklu. Il-Kardinal qal li hu tkellem ma’ Jimena fejn spegatlu x’kien ġara eżatt.

Jidher li l-Kardinal se jkun qiegħed jinforma lill-Qdustija Tiegħu Papa Franġisku b’dak li ġara, filwaqt li Jimena mistennija li tagħmel eżamijiet mediċi biex jiġi ċċertifikat miraklu.

Ekonomija

Sport