Saturday, December 21, 2024

Ftehim bejn il-Pulizija Maltija u Taljana ser iwassal għat-tisħiħ tal-kollaborazzjoni favur il-protezzjoni taċ-ċittadini

Aqra wkoll

F’Ruma, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri flimkien mal-Ministru tal-Intern Taljan Matteo Piantedosi, ippresjeda l-iffirmar ta’ ftehim bejn il-Korp tal-Pulizija Malti u d-Dipartiment għas-Sigurtà Pubblika Taljan. Dan il-ftehim għandu l-għan li jsaħħaħ il-koperazzjoni bejn il-pulizija taż-żewġ pajjiżi.

Il-ftehim jiffoka fuq il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata tranżnazzjonali u l-kriminalità serja. Il-ftehim bejn iż-żewġ pajjiżi ser iwassal għal aktar skambju ta’ informazzjoni u inizjattivi ta’ interess komuni. Dan flimkien ma’ aktar opportunitajiet ta’ taħriġ, fosthom permezz ta’ korsijiet u attivitajiet ta’ taħriġ kif meħtieġ miż-żewġ partijiet.

Iż-żewġ naħat qablu li jaqsmu ma’ xulxin għarfien u esperjenzi, u prattiċi ta’ suċċess użati fiż-żewġ pajjiżi, fuq temi speċifiċi fosthom il-kriminalità organizzata, it-traffikar tad-droga, kriminalità finanzjarja u ekonomika kif ukoll it-traffikar uman flimkien mas-sigurtà u l-ordni pubblika – temi li huma kollha immirati li jkomplu jassiguraw lil pajjiżna bħala wieħed mill-iktar siguri fi-dinja.

Il-ftehim jiffaċilita wkoll li jitwaqqfu working groups bejn il-pulizija Maltija u dik Taljana bil-għan li tissaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ partijiet.

Il-Ministru Byron Camilleri sostna li r-relazzjoni ta’ koperazzjoni bejn Malta u l-Italja fuq materji relatati mal-pulizija wasslu għall-iffirmar ta’ dan il-ftehim li huwa xhieda tal-fiduċja bejn iż-żewġ pajjiżi u l-impenn konġunt għal sfidi komuni. Huwa xhieda wkoll tal-impenn tagħna bħala pajjiż li nkomplu niġġieldu kull aspett tal-kriminalità u l-impenn tal-Korp tal-Pulizija li jkompli jibni fuq is-suċċessi u r-riżultati miksuba fl-aħħar snin kif anke ċċertifikat mir-Rule of Law Index u l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, fost l-oħrajn. Ftehim li, fi kliemu, ipoġġi wkoll bħala prijorità aktar opportunitajiet ta’ taħriġ li jippreparaw lill-pulizija taż-żewġ pajjiżi biex dejjem ikunu lesti għal kull eventwalità. Ikkonkluda jgħid li Malta tikkunsidra r-relazzjoni mal-Italja bħala waħda importanti u li dan il-ftehim finalment se jfisser ħidma kollettiva favur il-protezzjoni taċ-ċittadini tagħna.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru tal-Intern Taljan Matteo Piantedosi esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-iffirmar mill-kapijiet tal-pulizija taż-żewġ pajjiżi ta’ ftehim li fi kliemu ser jagħmel is-sinerġija u l-koperazzjoni fi kwistjonijiet ta’ sigurtà saħansitra aktar effettivi. “Minkejja li r-relazzjoni bejn iż-żewġ ministeri tagħna hija b’saħħitha, din dejjem qed tkompli tiżviluppa kif jixhed id-djalogu regolari bejnietna,” ikkonkluda l-ministru Taljan.

F’isem Malta, iffirma dan il-ftehim ta’ koperazzjoni l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà li min-naħa tiegħu tenna li dan il-ftehim ikompli jsaħħaħ ir-rabtiet b’saħħithom bejn iż-żewġ pajjiżi fil-ġlieda kontra l-kriminalità serja u organizzata. Fl-istess waqt dan il-ftehim jirrikonoxxi li l-Korp tal-Pulizija Malti llum qiegħed f’pożizzjoni li jaqsam l-għarfien tiegħu f’oqsma speċjalizzati ma’ forzi oħra. Din il-koperazzjoni bilaterali ser tkompli tikkontribwixxi għal Malta u Ewropa aktar siguri.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport