Wednesday, October 22, 2025

Ftehim bejn l-Istati Uniti u l-Awstralja biex jiġġieldu d-dominanza taċ-Ċina 

Aqra wkoll

L-Istati Uniti tal-Amerka u l-Awstralja ffirmaw ftehim maħsub biex jagħti spinta lill-provvisti ta’ elementi rari tad-dinja u minerali kritiċi oħra. Dan il-ftehim sar waqt li l-amministrazzjoni ta’ Donald Trump qed tfittex modi kif tikkumbatti d-dominanza taċ-Ċina fis-suq ta’ elementi u minerali rari.

Il-Prim Ministru Awstraljan Anthony Albanese fisser il-ftehim bħala wieħed li se jappoġġja sensiela ta’ proġetti li huma lesti biex jibdew li jammontaw 8.5 biljun dollaru Amerika li se jespandu l-abbiltajiet tal-Awstralja fit-tħaffir u l-ipproċessar.

L-Istati Uniti u l-Awstralja ilhom jaħdmu fuq dawn il-kwistjonijiet mill-ewwel mandat ta’ Trump, iżda Albanese qal li l-ftehim ta’ dan l-aħħar se jieħu dik is-sħubija fil-“livell li jmiss”.

Nhar it-Tnejn, il-President tal-Istati Uniti Donald Trump ikkummenta wkoll dwar il-ftehim ta’ diversi biljuni ta’ dollari tal-Awstralja ta’ sottomarini mal-Istati Uniti u r-Renju Unit, magħruf bħala Aukus, fejn qal li kien miexi ’l quddiem b’ritmu mgħaġġel.

Aktar kmieni din is-sena, il-ftehim kien taħt il-lenti wara li l-amministrazzjoni ta’ Trump qalet li se tirrevedi d-dettalji biex tiżgura li jaqbel mal-aġenda tagħha “America First”, u dan qajjem tħassib li l-Awstralja tista’ ma tkunx tista’ tixtri sottomarini mill-Istati Uniti biex tissostitwixxi l-flotta tagħha li qed tiqdiem.

Iċ-Ċina bħalissa tikkontrolla madwar 70% tat-tħaffir ta’ metalli rari u 90% tal-ipproċessar tal-materjali, li jinstabu f’kollox minn tagħmir tad-difiża sa ċipep tal-kompjuter u karozzi.

Il-kumpaniji Amerikani jiddependu ħafna fuq materjali bħal dawn u dan jagħmilhom vulnerabbli hekk kif iċ-Ċina ħadet passi biex tirrestrinġi l-aċċess għall-provvisti b’reazzjoni għat-tariffi l-ġodda tal-Istati Uniti u tensjonijiet oħra.

L-ishma fil-kumpaniji tal-minjieri tal-minerali rari tal-Awstralja żdiedu nhar it-Tlieta wara din it-tħabbira.

Il-kumpanija bbażata f’Perth Arafura Rare Earths żdiedet b’madwar 7.7%, filwaqt li produttur ewlieni ieħor, Iluka Resources, żdied b’aktar minn 3%.

Il-prim minstru Albanese qal li l-ftehim kellu l-għan li jħaffef l-investiment fi tliet tipi ta’ proġetti, inklużi investimenti mill-Istati Uniti f’faċilitajiet tal-ipproċessar fl-Awstralja.

Iż-żewġ pajjiżi qablu wkoll li jaħdmu flimkien fuq kwistjonijiet bħall-ipprezzar, il-permessi, u r-regoli għar-reviżjoni tal-gvern tal-bejgħ ta’ kumpaniji u proġetti fis-settur.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport