Sunday, November 24, 2024

Ftehim bejn Malta u Ċipru għal kooperazzjoni aktar b’saħħitha fil-qasam tal-ilma

Aqra wkoll

Ġie ffirmat Memorandum of Understanding (MoU) għat-titjib tal-kooperazzjoni bilaterali fil-qasam tar-riżorsi tal-ilma bejn il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir tar-Repubblika ta’ Malta u l-Ministeru tal-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent tar-Repubblika ta’ Ċipru.

L-MoU ġie ffirmat ilbieraħ, mill-Ministru Maltija Miriam Dalli u mill-Ministru Ċiprijotta Maria Panayiotou.

Dan l-MoU jsaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn Malta u Ċipru fl-immaniġġjar u s-sostenibbiltà tar-riżorsi tal-ilma, bil-għan li jiġu indirizzati sfidi sinifikanti minħabba n-nuqqas tal-ilma u n-nixfa. Iż-żewġ pajjiżi jirrikonoxxu l-ħtieġa urġenti li jindirizzaw dawn l-isfidi komuni – b’mod partikolari fid-desalinizzazzjoni u l-użu mill-ġdid tal-ilma tad-drenaġġ (b’enfasi fuq l-agrikoltura). Dan il-ftehim joħloq opportunitajiet għal modi innovattivi u jgħin biex tiżdied ir-reżiljenza kontra sfidi relatati mal-ilma li jistgħu jinqalgħu fil-futur.

L-MoU jenfasizza diversi oqsma ta’ kollaborazzjoni, inkluż:

Appoġġ fl-implimentazzjoni tal-politika tal-ilma tal-UE;

Immaniġġjar u protezzjoni tar-riżorsi tal-ilma;

Desalinizzazzjoni;

Trattament u użu mill-ġdid tal-ilma tad-drenaġġ;

Trattament tal-ilma u kontroll tal-kwalità;

Tnixxija fl-immaniġġjar tal-ilma;

Tnaqqis fl-użu tal-ilma u edukazzjoni għall-għarfien pubbliku;

Qsim tar-riżorsi, koperazzjoni teknika, u qsim ta’ informazzjoni dwar l-aspetti soċjo-ekonomiċi tar-riżorsi tal-ilma.

Dan l-MoU jistabbilixxi wkoll Grupp ta’ Ħidma Konġunt biex jikkoordina u jissorvelja l-attivitajiet, filwaqt li jippromwovi koperazzjoni kontinwa u jiżviluppa soluzzjonijiet fit-tul.

Dan l-MoU jimmarka pass importanti fit-tisħiħ ta’ soluzzjonijiet sostenibbli fit-tul għall-isfidi tar-riżorsi tal-ilma fiż-żewġ pajjiżi, u jirrifletti l-impenn konġunt tagħhom għall-immaniġġjar u l-protezzjoni responsabbli tar-riżorsi naturali essenzjali.
 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport